Lokali

Għandha tinstab soluzzjoni biex is-saga ta’ Satabank ma tħallix riperkussjonijiet

Maħruġa mid-deputati tal-PN Mario de Marco u Kristy Debono

L-Oppożizzjoni qed tisħaq biex l-MFSA tikkomunika b’mod aktar effettiv mal-klijenti tagħha minħabba li s-saga tal-bank Satabank qed tħalli riperkussjonijet kbar.

L-Oppożizzjoni tfakkar li għalkemm l-awtorità ħabbret li se tirrilaxxa d-depożiti fuq ċertu kundizzjonijiet fosthom li l-klijenti jkollhom jiftħu kont bankarju ieħor, il-klijenti ta’ Satabank xorta qegħdin isibuha diffiċli ferm biex jiftħu kont ieħor. Dan apparti il-fatt, li diversi klijenti li diġà għandhom kont bankarju għad m’għandhomx aċċess għad-depożiti tagħhom ma’ Satabank.

Dan qiegħed iwassal biex eluf ta’ familji ma rċevewx il-paga, persuni li l-uniku kont bankarju tagħhom hu mal-bank Satabank m’għandhomx aċċess għal kont bankarju tagħhom u diversi kumpaniji jinsabu iġġamjati fl-operat tagħhom. Dan mhux biss qiegħed iwassal għal sofferenza u inkonvenjent finanzjarju però wkoll fil-każ ta’ investiment dirett barrani, l-Oppożizzjoni hi infurmata li huma diversi li qegħdin jaraw ġurisdizzjonijiet alternattivi fejn jirrelokaw l-operat tagħhom.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tappella għal due diligence serju però jeħtieġ li dan isir bi pjan strateġiku u olistiku sabiex il-klijenti li dejjem onoraw il-prerekwiżiti ta’ l-istess bank ma jħallsux il-prezz qares ta’ ħaddieħor. Dan speċjalment meta iż-żmien għaddej.

Għaldaqstant jeħtieg li l-awtoritajiet joffru soluzzjonijiet tanġibbli għal dawn in-nies u kumpaniji u tappella għal kuntatt dirett aktar effettiv bejn il-klijient u r-rappreżentanti tal-bank u tal-MFSA sabiex dawn ma jibqgħux fl-għama.