Lokali

17 BLACK: Isir rapport formali lill-Pulizija

Illum l-attivisti ta’ Occupy Justice għamlu rapport formali lill-pulizija biex jinvestigaw lil Yorgen Fenech, Konrad Mizzi u Keith Schembri wara li l-ġimgħa l-oħra il-konsorzju internazzjonali ta’ ġurnalisti The Daphne Project ippubblika aktar rivelazzjonijiet dwar 17 Black.

Ir-rapporti investigattivi tat-Times of Malta u Reuters International kixfu l-fatt li Yorgen Fenech, li fl-2013 rebaħ il-kuntratt mal-Gvern Malti biex jibdni impjant tal-enerġija li jiswa 450 miljun ewro, hu sid il-famuża 17 Black, li hi kumpanija sigrieta f’Dubai.

Din ir-rivelazzjoni torbot m’investigazzjoni oħra ta’ The Daphne Project aktar kmieni din is-sena. Emails urew kif il-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi — li kien Ministru tal-enerġija bejn l-2013 u l-2016 — u Keith Schemrbi — il-kap tal-uffiċju tal-prim ministru — kienu se jirċievu ħlasijiet minn 17 Black għal servizzi li ħadd ma jaf x’inhuma. Il-ħlasijiet li jissemmew fl-emails jammontaw għal $150,000 kull xahar. Occupy Justice sostnew li dan ukoll huwa fatt.

Ninsabu hawn illum għax din hi materja t’importanza u inkwiet għan-nazzjon kollu. Dawn huma fatti ta’ każ li jqażżek ta’ ħasil ta’ flus.

Kien għalhekk illi illum Occupy Justice għamlu rapport formali fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt, biex jerġgħu ifakkru lill-Pulizija li xogħolhom hu li jassiguraw li l-liġi hi rispettata. Huma saħqu li se jibqgħu jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet sakemm issir ġustizzja.