Lokali

“Ġid għal Kulħadd f’Soċjetà li Jimpurtaha” – Il-Kunsill Ġenerali tal-PN se jiltaqa’ matul il-ġimgħa d-dieħla

Ġid għal Kulħadd f’Soċjetà li Jimpurtaha hija t-tema tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li se jibda jiltaqa’ min-nhar it-Tnejn 19 ta’ Novembru u se jibqa’ jiltaqa’ kuljum sal-Ħadd 25 ta’ Novembru, bl-għeluq tal-aħħar sessjoni jsir mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Il-Kunsill Ġenerali se jkun qed jiddiskuti dokument ta’ analiżi u viżjoni ekonomika għal pajjiżna li jipproponi pjan fit-tul ibbażat fuq soċjetà li jimpurtaha. Dan sabiex il-ġid li qiegħed jinħoloq verament jasal għand kulħadd u jkollna nazzjon li jkun ippreparat u ħerqan għall-futur. It-temi li se jiġu diskussi matul dan il-Kunsill Ġenerali jinkludu fost l-oħrajn l-isfidi li jeħtieġ li negħlbu għall-futur, il-politika demografika tal-Gvern u l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali li din il-politika qed tħalli minħabba n-nuqqas ta’ pjan.

Id-dokument iħares ukoll lejn il-ħarsien tar-reputazzjoni ta’ Malta, li qed titkisser minħabba l-għemil ta’ ftit persuni u speċjalment wara dak li ġie rrappurtat mill-midja dwar il-kumpanija misterjuża 17 Black u l-konnessjoni mal-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Organizzazzjonijiet internazzjonali wkoll qed iwissu dwar il-korruzzjoni fosthom l-OECD, li poġġiet lil Malta fil-lista s-sewda minħabba l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Apparti rapport oħra Ewropej li jenfasizzaw fuq miżuri aktar effettivi li kellhom jittieħdu mill-awtoritajiet Maltin għall-prevenzjoni tal-ħasil ta’ flus. Dan kollu qed iħalli impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, b’mod speċjali fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji.

Il-konferenza tal-aħbarijiet fejn matulha ngħataw id-dettalji tal-Kunsill Ġenerali ġiet indirizzat mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, l-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, u l-Kordinattriċi tal-Kunsill Ġenerali Amanda Abela.