Kultura Lokali

Wirja ta’ arti b’tema soċjali għall-Jum Dinji tal-Foqra

Wirja li ttellgħet mis-Segretarjat għad-Djakonija, b’arti ta’ Ray Piscopo, saret bl-għan li tixħet dawl fuq diversi problemi soċjali li jeżistu madwarna, iżda li sfortunatament ħafna drabi jibqgħu moħbija.

Bl-arti tiegħu, Piscopo jfakkar f’avvenimenti li jistgħu jolqtu lil kulħadd, bħall-mewt ta’ xi ħadd għażiż, il-faqar, id-diffikultajiet, il-ġlied fil-familja u l-vizzji fost oħrajn.

Iżda minkejja dawn is-sitwazzjonijiet kollha, fejn il-vittmi ħafna drabi jsofru fil-kwiet, l-artist jinkludi wkoll arti bl-isem ta’ Follow The Light li twassal messaġġ ta’ tama, li wieħed jista’ jsib id-dawl minkejja kollox.

Il-wirja saret f’Dar Qalb ta’ Ġesu, f’Santa Venera fl-okkażjoni tat-tieni Jum Dinji tal-Foqra.

Din is-sena, dan il-jum qed jiġi mfakkar il-Ħadd 18 ta’ Novembru, bil-Papa Franġisku li f’messaġġ tal-okkażjoni appella lill-poplu madwar id-dinja biex juża dan il-jum biex jiċċelebra l-ispirtu tal-ferħ u l-għaqda, pereżempju billi dak li jkun jaqsam l-ikla tal-Ħadd ma min m’għandux x’jiekol.

Ritratti: Matthew Tabone