Lokali Qorti

Ħames snin ħabs għal Serb li faqa’ flixkun tal-ħġieġ f’għajn Malti

Ordnat li jintbagħat lura lejn pajjiżu wara li jiskonta l-piena

Is-Serb Srdan Simic ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li f’April tas-sena li għaddiet darab gravi lil Ryan Magro f’wiċċu bi flixkun tal-ħġieġ f’ħanut tax-xorb fil-Qawra. Konsegwenza ta’ dan l-inċident, Magro ġarrab ġrieħi permanenti f’għajnu x-xellugija.

Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ April tas-sena li għaddiet fil-Munchies Bar f’San Pawl il-Baħar meta l-akkużat darab gravi lil Ryan Magro f’għajnejh.

It-tabib David Agius xehed fil-Qorti li meta eżamina lil Magro dakinhar li ddaħħal l-isptar, sablu bosta ġrieħi f’wiċċu u f’għajnejh u kellu vista batuta minn għajnejh x-xellugija. Qal li meta eżaminalu għajnejh sab li kien hemm emoreġija fuq in-naħa ta’ barra tal-għajn. Huwa kklassifika dawn il-ġrieħi bħala gravi.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li l-Qorti m’għandha l-ebda dubju li l-akkużat ta daqqa lill-vittma u kkaġunalu diżabilità permanenti f’waħda mill-għajnejn.

Il-Maġistrat Mifsud ikkundannat lis-Serb ħames snin ħabs u waqt li ordnalu jħallas l-ispejjeż tal-Qorti, ordnat lill-Uffiċjal Ewlieni tal-Immigrazzjoni biex hekk kif il-ħati jiskonta s-sentenza ta’ ħabs, jibagħtu lura lejn pajjiżi.

Id-difiża tmexxiet mill-avukat Roberto Montalto filwaqt li Franco Debono u Marion Camilleri dehru parte civile għall-vittma.