Lokali Qorti

“L-avukati għandhom bżonn taħriġ fuq kwistjonijiet ta’ vjolenza domestika”

Il-Maġistrat Joe Mifsud għamel appell imqanqal fil-Qorti biex ma jinħeliex aktar ħin tal-ġudikatura u biex l-avukati jieħdu taħriġ fuq kwistjonijiet ta’ vjolenza domestika u fastidju sesswali.

Ir-rimarki saru fil-konfront tal-avukat David Gatt li illum kien qed jiddefendi lil Shaun Ray Belli ta’ 27 sena mill-Fgura, li kien akkużat b’fastidju fil-konfront ta’ tfajla.

Belli ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li segwa l-passi u ffastidja lis-sieħba tiegħu wara li ttanta jonsobha b’messaġġi anonimi ta’ theddid.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransely qalet li Belli mar mas-sieħba tiegħu jirrapporta l-għassa l-messaġġi li kienet qed tirċievi l-vittma. Iżda mill-investigazzjoni tal-pulizija ħareġ li dawn kienu qegħdin jintbagħtu minnu biex jipprova jonsobha. Id-difiża talbet għall-ħelsein mill-arrest u qalet li l-messaġġi ntbagħtu għax ried li l-mara tmur tgħix miegħu.

Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li l-vjolenza morali ddum aktar biex tfiq u sostna li ma nistgħux nilagħbu bis-sentimenti tan-nies. Waqt li ordna divjett fuq l-isem il-vittma, ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.