Formula 1 Sport

Bottas jaqbeż bi ftit lil Verstappen fit-tieni sessjoni ta’ provi liberi

(Ritratt: EPA)

Valtteri Bottas qabeż bi ftit lil Max Verstappen biex spiċċa t-tieni sessjoni ta’ provi liberi fil-quċċata u fl-istess ħin waqqaf il-bidu tajjeb ta’ Red Bull f’Abu Dhabi. Red Bull iddominaw l-ewwel sessjoni iżda Bottas li għadu qed ifittex l-ewwel rebħa f’dan il-kampjonat, qabeż lil Verstappen b’0.044 ta’ sekonda.

Wara s-sessjoni, Bottas qal li hu sabiħ li jkunu fuq quddiem iżda saħaq li jridu jibnu fuq dan ir-riżultat billi jagħmlu l-bidliet ġusti biex ikollhom l-aħjar karozza possibbli. Daniel Ricciardo spiċċa t-tielet qabel iċ-champion tad-dinja Lewis Hamilton. Il-Britanniku qal li Red Bull dehru veloċi u ma għandux dubju li se jkunu ta’ sfida għal tmiem il-ġimgħa.

Iż-żewġ sewwieqa tal-Ferrari misjuqa minn Kimi Raikkonen u Sebastian Vettel setgħu jagħmlu biss il-ħames u s-sitt l-aħjar ħin, iżda fit-tieni sessjoni kienu aktar ta’ sfida, bl-ewwel sitt jkunu mifruda biss minn terz ta’ sekonda.

Red Bull ilhom ma jiksbu podju f’Abu Dhabi mill-2013, filwaqt li ċ-ċirkwit hu aktar adattat għal karozza Ferrari milli għal magni Renault fil-karozzi Red Bull.

Romain Grosjean ta’ Haas spiċċa l-aqwa mill-kumplament fis-seba’ post u flimkien ma’ Nico Hulkenberg impressjonaw. Fernando Alonso li qed jipprepara għal dak li sa issa se tkun l-aħħar tiġrjija fil-Formula 1, spiċċa fit-13-il post fuq McLaren.