Lokali

SEGWI: L-aħħar sezzjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali

Segwi hawnhekk l-aħħar sezzjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Il-Kunsill Ġenerali se jiġi fi tmiemu mill-Kap tal-PN Adrian Delia.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN, Kristy Debono fetħet l-aħħar sezzjoni plenarja fejn qalet li hi ċerta li kull sfida li jaffaċja l-Partit Nazzjonalista jista’ jbiddilha f’opportunità għall-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Koordinatriċi tal-Kunsill Ġenerali, Amanda Abela qalet li n-nies preżenti tkellmu fuq żewġ mudelli ekonomiċi, b’mod partikolari dak li qed iwettaq il-Gvern l-idgħajjef il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin u żewġ mudelli ekonomiċi li qed jipproġetta l-Partit Nazzjonalista li f’Malta jkollna valur miżjud għoli lill-ekonomija sabiex it-taħriġ jingħata lill-Maltin f’industriji ġodda ħalli jgawdu l-familji Maltin.

Thomas De Martino qal li huwa importanti li ż-żgħażagħ ikunu fiċ-ċentru ta’ pajjiżna. Saħaq li hawn mentalità li ż-żgħażagħ m’għandhomx ikunu parti mill-politika filwaqt li jżied jgħid li ma jgħatix tort li żgħażagħ bħalu jaħsbu hekk. Dan hekk kif il-Gvern qed iħammeġ lil pajjiżna. Hu sostna li ‘Future Leader’ kien kors li sar biex jgħin iktar żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom fid-deċiżjonijiet ta’ pajjiżna. Fl-aħħar hu jirringrazzja lil Partit Nazzjonalista tal-ispazju li qed jgħati liż-żgħażagħ.

Eve Borg Bonello, parteċipanta fi Future Leaders, irringrazzjat il-Fondazzjoni AŻAD fi ħdan il-PN li qed jifforma liż-żgħażagħ f’mexxejja futuri għaliex irid jisma’ l-għajta kollettiva taż-żgħażagħ, u mhux sempliċiment għotja ta’ dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena. Hija temmet tappella liż-żgħażagħ biex ikompli jiġġieldu għall-verità ,għall-ġustizja u kellna demmna jbaqbaq għa-libertà.

Peter Aguis beda d-diskors tiegħu billi semma l-Unjoni Ewropeja li hi għodda biex inwasslu l-ġid għal pajjiżna. L-Unjoni Ewropeja li l-Partit Nazzjonalista fil-passat investa f’diversi setturi. Hu qal li din l-għodda qed titħalla fil-ġenb mill-Gvern hekk kif mhux jgħati kasha. Żied jgħid li l-Gvern qed imur kontra l-liġijiet tal-Ewropa u qed iwassal biex Malta tkun fl-aħħar post fis-settur tal-Ambjent mill-pajjiżi Ewropej. Aguis sostna li l-Gvern suppost wassal lil Malta biex tkun l-aqwa, madanakollu ħa deċiżjonijiet għall-oppost. Fl-aħħar hu ħeġġeġ biex il-Maltin jiġġieldu għall-ġid ta’ pajjiżna.

Il-kandidat tal-Parlament Ewropew, Michael Briguglio, qal li għażel li jkun il-qanpiena tan-nies fl-irħula Maltin, anke tal-Laburisti li qed ibatu fis-skiet ta’ darhom. Dan meta hu saħaq li dejjem jitkellem fit-toroq u l-pjazez man-nies fuq il-weġgħat u tbatija li għaddejjin minnhom meta n-nies tal-klikka qed jiffangaw waħidhom u jinjoraw lill-poplu. Hu żied jgħid li l-poplu għandu setgħa li jdawwar dak li ddeċieda fil-passat u jagħmel għażla differenti. Briguglio temm jisħaq fuq il-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li jkun il-leħen tan-nies ta’ rieda tajba.

Dione Borg qal li pajjiż bħalissa jinsab f’salib it-toroq, b’politika onesta minn naħa, filwaqt li minn naħa l-oħra hemm politika korrotta. Hu ħeġġeġ biex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ fuq in-naħa t-tajba bħalma dejjem kien flimkien ma’ mexxejja passati. Hu wera biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista dejjem mexa fuq governanza tajba minkejja Malta qed tiġi mmexxija minn Gvern li jaħseb biss fil-ftit minflok fil-Maltin u l-Għawdxin kollha. Fl-aħħar hu ħeġġeġ biex jiġu eletti kandidati onesti li jaraw il-ġid ta’ pajjiżna u mhux tagħhom.

L-MEP, David Casa, tkellem fuq il-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew b’riżq il-ġustizzja f’Malta u ta l-kelma li se jagħti l-enerġija kollha tiegħu biex jiġġieled il-korruzzjoni tal-Gvern f’kull istituzzjoni Ewropea għall-ġid tal-poplu Malti. Huwa elenka kif f’demokrazija serja, politiku għandu jservi liċ-ċittadini, itejjeb il-kwalita tal-ħajja tan-nies u jħalli pajjiż aħjar milli sab, affarijiet li ilna ma nesperjenzaw 5 snin kemm ilhom Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Gvern. Apparti dan, David Casa qed jaħdem fuq il-liġi l-ġdida tal-work-life balance – liġi ġdida li tagħti saħħa lill-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb il-morda fil-familji. Dan billi tiżdied il-flessibiltà fuq il-post tax-xogħol, l-għoti ta’ 10 t’ijiem ġodda leave fost kundizzjonijiet oħra favur il-familji. David Casa kompla jgħid li f’din il-leġiżlatura, ħadem biex tingħata protezzjoni lill-ġurnalisti. Casa qal li “ma jistax ikollna assassinji ta’ ġurnalisti għaliex jaħdmu kontra l-korruzzjoni. Se nibqgħu naħdmu fl-Ewropa u Malta għall-ġid tal-PN u fuq kollox ta’ pajjiżna.”

Chris Micallef, kandidat għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valleta, għamel referenza għal esperjenza li għadda minna filwaqt li qal li jiġri x’jiġri hu mhux lest li jkun parti mill-Gvern preżenti u jkun mgħerreq flimkien miegħu fil-korruzzjoni. Hu jħeġġeġ biex in-nies jingħaqdu miegħu biex jiġġieldu għas-sewwa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Chris Micallef spiċċa jgħid li kien biss il-Partit Nazzjonalista li kellu pjan u ħadem biex isebbaħ lil Belt Valletta u li wassal lil Malta biex tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-Partit Nazzjonalista b’wiċċu minn quddiem hu kburi li jemmen fil-prinċipji li jsawwruh. Kien dan il-qofol tal-messaġġ tal-MEP Nazzjonalista, Roberta Metsola, li tkellmet kif dan hu partit ta’ twemmin li fil-Gvern ġab bidliet kbar fl-ekonomija u li l-Gvern Laburista kosmetikament qed jaqta’ l-frott ta’ din il-ħidma tal-PN fil-Gvern. Elenkat kif kien bis-saħħa tal-PN li bħal-lum 6 xhur il-poplu Malti se jivvota biex jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Roberta Metsola temmet tgħid kif il-PN mill-Oppożizzjoni għandu r-responsabbilta li nwasslu lill-poplu jkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.

Jean Pierre Debono ħeġġeġ lin-nies, b’mod speċjali ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex ikunu protagonisti biex b’hekk jitkattar l-ġid f’soċjetà li jimpurtaha. Hu qal li “aħna se nkunu hemm biex nieqfu” lil dawk li kulma qed jaraw huwa biex iħaxxnu buthom. Jgħid li l-Gvern mhux dak il-Gvern li l-għajta tiegħu kienet li jisma’ iżda il-Prim Ministru Joseph Muscat huwa dak li jgħid lil ġurnalisti biex jitkellmu weħidhom. Jean Pierre Debono jgħid li dawk in-nies kollha li għandhom “pagi baxxi, qed jgħixu fil-prekarjat, m’humiex ilaħqux mal-għoli tal-ħajja, ma laħqux mal-kera, qed jgħixu barra – lil dawn kollha Joseph Muscat jgħidilhom biex jekk ma joġgħobhomx, jitkellmu weħidhom jew mal-ħajt.” B’hekk hu spiċċa d-diskors tiegħu billi iħeġġeġ lin-nies biex ikunu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista għax il-Partit qiegħed hemm għal kulħadd.

Is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalsita, Roselyn Borg, fakkret kif kien il-PN fil-Gvern li sawwar is-sisien tal-ekonomija b’saħħitha li għandna llum u li salva lil Malta mir-riċessjoni ekonomika tal-2009 biex ġabha fuq saqajha. U hu għalhekk, kompliet tisħaq, li taħt Gvern Nazzjonalista, il-poplu jkompli jgawdi minn ekonomija b’saħħitha(mhix dipendenti fuq il-korruzzjoni) li jgawdu minnha l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-familji, il-penzjonanti, dawk diżabbli u, l-irġiel u n-nisa ugwalment. Bħala Segretarju Internazzjonali, flimkien mal-Kap tal-PN, Adrian Delia, għamlu minn kollox biex jipproteġu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna lil hinn minn xtutna. Roselyn Borg temmet tisħaq kif il-Gvern m’għandux il-mandat li jgħaddi romlbu minn fuq kulħadd u rrimarkat li l-PN għandu viżjoni ċara ta’ governanza li tkattar il-ġid biex igawdi kulħadd.

Frank Psaila, kandidat għall-elezzjonijiet tal-membri Parlamentari tal-Unjoni Ewropea, sostna li jrid jitkellem f’isem il-Maltin u l-Għawdxin fil-Parlament Ewropej hekk kif in-nies kontinwament qed ibatu biex ilaħqu mal-għoli tal-ħajja. Psaila ħeġġeġ biex il-Partit Nazzjonalista jkun mgħaqud f’mixja importanti li għaddej minnha flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Hu jgħid li jekk wieħed ma jivvutax, ikun qed isaħħah lil Gvern Laburista li iktar ma jmur iktar qed jagħmel ħsara lil pajjiżna.

L-MEP Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, beda d-diskors billi elenka bosta wegħdi fiergħa tal-Partit Laburista li bella lill-poplu Malti bħala lixka u daħaq bihom sfaċċatament bħal fil-każ tal-Università Amerikana fil-Kottonera u l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet għand Vitals. Huwa staqsa lill-Prim Ministru x’inhu jżommu milli jkeċċi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi bl-istess kejl li ta lilu nnifsu meta dawn qed jirċievu €5000 kuljum minn 17 Black. Francis Zammit Dimech fakkar kif il-kunsilliera huma magħġunin fil-valuri li rawwmihom il-PN u hu għalhekk li se jkun il-vuċi tal-poplu, irrispettivament mit-theddid u l-intimidazzjoni. Il-Membru Parlamentari Ewropew temm iqawwi qalb il-poplu Malti ta’ rieda tajba biex jissokta b’din il-ġlieda, b’determinazzjoni u lealtà għal Malta, kontra l-mezzi propogandistiċi mħallsa mill-poplu Malta u t-trolls impjegati mal-Gvern. Dan għaliex fuq in-naħa tal-poplu hemm il-verita li dejjem titla f’wiċċ l-ilma u toħorġu rebbieħ.

Mark Anthony Sammut qal li l-ġid mhux qed jasal għand kulħadd, tant li l-ġid individwali qed tmur għall-agħar. Hu qal li “l-ekonomija m’għandix tkun li tikber bin-nies, iżda n-nies li jikbru bl-ekonomija.” Sammut qal li minkejja d-diversi fatti u provi li għandna f’idejna, il-Prim Ministru qed jibqa’ ma jagħmel xejn dwar il-korruzzjoni li qed tonħoq lil Gvern preċedenti. Hu qal li l-Gvern kollu ma jimpurtahx li qed jgħamel ħsara lir-reputazzjoni tal-Maltin u l-Għawdxin. Jisħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu kuxjenza għal dawk li kontinwament qed ibatu fil-ħajja ta’ kuljum. Mark Anthony Sammut jispiċċa d-diskors tiegħu billi qal li jekk mhux se nieħdu azzjoni u ningħaqdu flimkien, se  nitilfu l-libertà tal-Maltin u l-Għawdxin.