Internazzjonali

Il-Prinċep Sawdi Salman jitlob laqgħa mal-President Tork waqt il-G20

The President of Turkey, Recep Tayyip Erdogan, addresses Turkish members of the parliament during the opening of the second legislative year of the 27th Term of Grand National Assembly of Turkey (TBMM) in Ankara on October 1, 2018. / AFP PHOTO / ADEM ALTAN

Il-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Mevlut Cavusoglu, qal, waqt intervista, li l-Prinċep Sawdi Mohammed bin Salman talab laqgħa mal-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan u li ‘ma teżistix raġuni għalfejn il-laqgħa mgħandhiex issir’.

Cavusoglu spjega li t-talba, permezz ta’ telefonata, kienet dwar ‘il-possibbiltà li Mohammed bin Salman u Erdogan jiltaqgħu fi Buenos Aires’ u li l-President Tork kien qed jikkunsidra l-affarijiet. Dan meta Erdogan u l-Prinċep it-tnejn se jattendu l-laqgħa tal-G20 (għall-aktar pajjiżi industrijalizzati tad-dinja) li ssir fl-Arġentina aktar ‘il quddiem din il-ġimgħa.

Ir-relazzjonijiet bejn l-Arabja Sawdija u t-Turkija huma karatterizzati bit-tensjoni wara l-qtil, ix-xahar li għadda, tal-ġurnalista Sawdi, Jamal Khashoggi, ġewwa l-konsulat Sawdi f’Istanbul. Wara li s-Sawdi, għall-bidu, ħarġu b’diversi versjonijiet kontradittorji, huma, imbagħad, żvelaw li l-ġurnalista (li kien kritiku tat-Tmexxija f’Riyadh) spiċċa maqtul u mbiċċer ‘wara li fallew in-negozjati biex jipperswaduh jirritorna fl-Arabja Sawdija.’

L-ogħla uffiċjali fl-Arabja Sawdija qalu kemm-il darba li l-Prinċep Salman ma kellu l-ebda għarfien jew konnessjoni mal-qtil, li t-Turkija qed tgħid li twettaq minn skwadra ta’ 15-il agent Sawdi li inkludiet ukoll membru tal-grupp tas-sigurtà madwar il-Prinċep.

Min-naħa tiegħu, il-President Erdogan qal li l-qtil ta’ Khashoggi kien ordnat mill-ogħla livell tat-tmexxija tal-Arabja Sawdija. Intant, il-fatt li l-Mexxej Tork warrab għall-possibbiltà li d-direttiva ngħatat mir-Re (Sawdi) Salman qed jitfa’ ‘l-attenzjoni’ fuq il-Prinċep ta’ 33 sena, li hu iben ir-Re.