Futbol Sport

Marouane Fellaini jpoġġi lil Manchester United mal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

Gowl fil-91 minuta ta’ MAROUANE FELLAINI poġġa lil Manchester United mal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League hekk kif ir-Red Devils għelbu lil Young Boys 1-0. Kompliċi kienet ir-rebħa identika ta’ Juventus kontra Valencia. Il-Belġjan għeleb lil David von Ballmoos meta minn ballun fit-tul ta’ Luke Shaw, Romelu Lukaku kompla bir-ras lejn Fellaini li kkontrolla u għamel spazju għalih qabel skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna.

Għal Juventus kien deċiżiv l-attakkant MARIO MANDZUKIC fid-59 minuta meta l-Kroat kompla għal ġewwa mill-viċin wara kross mix-xellug ta’ Cristiano Ronaldo.

Real Madrid huma kwalifikati u rebbieħa ta’ Grupp Ġ wara li għelbu lil Roma 2-0. Minkejja t-telfa, ir-riżultat fil-logħba l-oħra fisser li Roma kkwalifikaw ukoll. GARETH BALE fetaħ l-iskor fis-47 minuta meta ħa vantaġġ minn żball tal-gowlkiper Robin Olsen u d-difensur Federico Fazio u skorja b’xutt fil-baxx mill-kaxxa. Huma rduppjaw mas-siegħa logħob b’LUCAS VAZQUEZ jiskorja mill-viċin wara li rċieva mingħand Karim Benzema.

Bayern Munich għaddew mill-gruppi għall-11-il staġun konsekuttiv. Huma għamlu ċert b’rebħa ta’ 5-1 f’darhom kontra Benfica. Għalihom skorjaw doppjetta ARJEN ROBBEN fit-13 u t-30 minuta, ROBERT LEWANDOWSKI fis-36 u l-51 minuta, bil-veteran FRANCK RIBERY jiskorja l-ħames gowl fis-76 minuta. GEDSON FERNANDES kien għamel l-iskor parzjali 3-1 fil-bidu tat-tieni taqsima.

Ajax għaddew mal-aħħar 16 għall-ewwel darba fi 13-il sena meta barra minn darhom għelbu lil AEK Athens 2-0. L-eroj għalihom kien DUSAN TADIC li skorja ż-żewġ gowls fi spazju ta’ ħames minuti. L-ewwel gowl wasal fit-68 minuta minn penalty f’azzjoni li fiha tkeċċa Marko Livaja. Hu rdoppja erba’ minuti wara f’azzjoni maħduma tajba.

Viktoria Plzen żammew it-tamiet li jkomplu l-avventura Ewropea fl-Europa League meta dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil CSKA Moscow 2-1. ROMAN PROCHAZKA kien ġab id-draw fis-56 minuta wara li kien falla penalty biex ikkanċella l-gowl inizjali tar-Russi minn penalty ta’ NIKOLA VLASIC wara 10 minuti. LUKAS HEJDA skorja l-gowl rebbieħ fil-81 minuta.

Manchester City irkupraw darbtejn minn gowl minn taħt biex spiċċaw 2-2 u għamlu ċert mill-kwalifikazzjoni. Għal Olympique Lyon kien skorja darbtejn MAXWEL CORNET fil-55 minuta u fil-81 minuta. AYMERIC LAPORTE kien ġab id-draw fit-62 minuta b’daqqa ta’ ras minn free-kick ta’ Raheem Sterling, biex l-attakkant Sergio Aguero reġa’ ġab id-draw fit-83 minuta b’daqqa ta’ ras oħra din id-darba minn korner.

Shaktar Donetsk baqgħu jittamaw fi kwalifikazzjoni b’rebħa drammatika ta’ 3-2 fuq Hoffenheim li sfaw eliminati. ISMAILY u TAISON kienu taw vantaġġ doppju lil Shaktar fl-ewwel kwarta. Żewġ minuti wara ANDREJ KRAMARIC naqqas id-distakk, biex STEVEN ZUBER ġab id-draw fl-40 minuta. Iżda fit-92 minuta reġa’ kien TAISON li skorja l-gowl tar-rebħa.

Riżultati kollha

Grupp E – AEK Athens v Ajax 0-2, Bayern Munich v Benfica 5-1

Grupp F – Hoffenheim v Shaktar Donetsk 2-3, Olympique Lyon v Manchester City 2-2

Grupp Ġ – CSKA Moscow v Viktoria Plzen 1-2, Roma v Real Madrid 0-2

Grupp H – Juventus v Valencia 1-0, Manchester United v Young Boys 1-0