Internazzjonali

Tikber il-kriżi tal-Ukrajna mar-Russja

Is-servizzi tas-sigurtà interni (FSB) tar-Russja pubblikaw l-istqarrijiet minn tliet baħrin Ukreni li nqabdu waqt l-aħħar incident fuq il-baħar bejn bastimenti tal-qawwiet tal-baħar tal-Ukrajna u bastimenti Russi, ‘il hinn mill-kosta tal-Krimea.

F’dan l-inċident, il-qawwiet tal-baħar Russi ħatfu tliet bastimenti tal-Ukrajna u wieħed mill-baħrin maqbuda stqarr li ‘hu kien konxju dwar in-natura provokattiva tal-azzjonijiet tal-vapuri Ukreni’.

Sadanittant, il-Kmandant tan-Navy tal-Ukrajna, Ihor Voronchenko, qal li l-baħrin tiegħu kienu mġiegħelha jigdbu dwar l-inċident taħt pressjoni’, bil-pajjiżi tal-Punent qed jikkundannaw l-aħħar wirja ta’ forza min-naħa tar-Russja li seħħet erba’ snin wara li hi għaqqdet il-penisola tal-Krimea mat-territorju tagħha.

Ingħad li 23 baħrin Ukreni nqabdu mill-qawwiet tal-baħar Russi fl-inċident tal-Ħadd, b’talanqas tlieta jisfaw feruti. Sadanittant, l-ewwel baħrin Ukreni dehru l-qorti fil-belt ta’ Simferopol, fil-Krimea, u fejn tnejn kienu kundannati biex jinżammu għal xahrejn.

Dan wara li l-FSB kienet ħarġet filmati ta’ tliet baħrin Ukreni – Andrei Drach, Sergei Tsybizov u Vladimir Lesovoy – li kollha għamlu stqarrijiet li, b’ mod jew ieħor, indikaw ‘intenzjonijiet biex l-Ukreni jisfidaw il-liġijiet tar-Russja’.

Il-Kap tas-servizzi sigrieti (SBU) tal-Ukrajna, Vasyl Hrytsak, tenna, intant, li d-dgħajjes ta’ pajjiżu kienu involuti ‘f’missjoni ta’ rutina u tat-tip li l-qawwiet tal-baħar Russi qed jagħmlu wkoll minn ħin għall-ieħor’.

Il-kriżi bejn l-Ukrajna u r-Russja qed iġġib magħha element ġdid ta’ sogru peress li l-inċident tal-Ħadd fuq il-baħar hu l-ewwel wieħed ‘tassew serju’ għal snin. Dan meta Moska qed tgħid li l-bastimenti Ukreni – żewġ gunboats u tugboat – kienu daħlu mingħajr dritt fl-ibħra territorjali tar-Russi u bl-Ukrajna tinsisti li l-inċident seħħ f’zona ta’ baħar li hi miftuħa għal kulħadd.

Il-Parlament tal-Ukrajna, issa, qed jappoġġja d-deċiżjoni tal-President Ukren, Petro Poroshenko, biex jimponi l-liġi marzjali għal 30 jum f’għaxar reġjuni tal-Ukrajna u li ssir effettiva fi kwistjoni ta’ sigħat. Dan meta Poroshenko wissa li t-theddida ta’ invażjoni ( tal-art) tal-Ukrajna mir-Russja laħqet ‘livell ta’ gravità sinifikanti’.

L-Armata tal-Ukrajna ilha minn April tal-2014 tiġġieled kontra r-ribelli separatisti li qed jappoġġjaw lir-Russja fir-reġjuni ta’ Luhansk u Donetsk lejn il-Lvant u li jinsabu mal-fruntiera tar-Russja.