Lokali Saħħa

L-Ispiżjara tal-Gvern għadhom jistennew żblokk wara aktar minn sena u nofs biex jitjiebu l-kundizzjonijiet

Sena u nofs wara l-ewwel taħditiet bejn il-UĦM Voice of the Workers u l-Gvern, l-Ispiżjara tal-Gvern għadhom qed jistennew li jsir xi tip ta’ progress li jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom.

Fil-bidu tal-2017, il-UĦM kienet talbet lill-Gvern biex isiru diskussjonijiet dwar dawn l-Ispiżjara. Dan għaliex il-kundizzjonijiet tal-Ispiżjara li jaħdmu mal-Gvern huma ferm agħar minn dawk li jaħdmu mal-privat.

Fix-xhur li għaddew, il-Union kellha, għal diversi drabi, tordna azzjonijiet industrijali minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern. Barra minhekk, kull darba li l-Gvern jagħmel il-kontro-proposti tiegħu, qatt ma jwettaqhom u dan kull darba qed iwassal biex jissejħu aktar azzjonijiet.

Issa, is-sitwazzjoni saret waħda frustranti ħafna għal dawn l-Ispiżjara, li qed jittamaw li sa tmiem il-ġimgħa jseħħ xi żblokk fis-sitwazzjoni. Min-naħa tiegħu, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne mistenni jkun preżenti għal-laqgħa skedata għal għada.

In-numru ta’ Spiżjara tal-Gvern li qed jitħabtu għal kundizzjonijet aħjar hu ta’ madwar 190, b l-Ispiżeriji li qed ikunu milquta mill-azzjonijiet huma dik ta’ Mater Dei, dik tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Ispiżerija tal-Onkoloġija u dawk fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana u ta’ Raħal Ġdid.