Lokali

ESKLUSSIVA: Sejba kbira ta’ droga u flus f’vann

Uffiċjali tal-Pulizija mill-Iskawdra ta’ kontra d-Droga għamlu qabda ta’ 20kg droga f’pakketti suspettati pjanta tal-kannabis, li kienet moħbija f’vann ipparkjat fi sqaq biswit is-subway ta’ Santa Luċija.

Il-ħidma bdiet għall-ħabta tas-6pm, b’NET News jista’ jikkonferma li fil-vann, il-Pulizija sabet ukoll pakkett b’madwar €40,000 fi flus kontanti. Is-suspett hu li dawn ġejjin mit-traffikar tad-droga.

Fid-dawl ta’ dan, il-Pulizija qed iżżomm erba’ persuni suspettati biex jgħinu fl-investigazzjonijiet. Dawn huma tnejn minn Bormla, wieħed minn Ħaż-Żebuġ u Sqalli residenti l-Marsa, bl-età tagħhom tvarja bejn is-26 u l-50 sena. Dawn mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin b’akkużi relatati mat-traffikar tad-droga.

Dan hekk kif aktar tfittxijet wasslu biex fir-residenza tal-akkużat minn Ħaż-Żebbuġ, il-Pulizija sabet 3kg sustanza suspettata eroina. Is-sorsi li tkellmu ma’ NET News ikkonfermaw ukoll li l-Pulizija kienet ilha ssegwi l-movimenti tas-suspettati sakemm kellha provi biżżejjed biex setgħet twettaq l-arrest.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Caroline Farrugia Frendo, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta. Inħatru wkoll għadd ta’ esperti, li qed jgħinu.

Uffiċjal tal-Pulizija jidher iġorr basket mimli flus kontanti, saħansitra noti ta’ denominazzjoni kbira, sekwestrati mill-vann fejn kienet id-droga.