Lokali

Il-Gvern jiftaħar li qaleb korsija esklussiva għaċ-ċiklisti f’waħda shared

Wara seba’ snin mindu ġiet imwegħda, pajjiżna għadu bla Strateġija u Pjan Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu.

Issa, seba’ snin wara din il-wegħda, il-Gvern ħabbar li għadu se jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dak li għandu jinkludi wkoll pjan t’azzjoni imħejji mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta.

Fl-Istrateġija mistenni jkun hemm 54 proposta, inkluż żewġ rotot għaċ-ċiklisti, biex mill-Belt jivvjaġġaw lejn San Ġiljan u lura, kif ukoll mill-Mosta sal-Università ta’ Malta u lura.

Iżda l-ironija hi li din il-konsultazzjoni pubblika se tibda wara li tlestew numru ta’ toroq ġodda u proġetti nazzjonali, fejn il-Gvern mhux biss injora għal kollox liċ-ċiklisti anzi f’xi każi saħansitra neħħa l-korsiji riservati għaċ-ċiklisti jew bidilhom għal korsiji maqsuma bejn il-karozzi u ċ-ċiklisti.

Fost l-iktar każi li jispikka hemm dak ta’ Triq l-Imdina, f’Ħaż-Żebbuġ, fejn il-Gvern wessa’ t-triq billi bidel il-korsija taċ-ċiklisti f’waħda maqsuma mal-vetturi b’riskju ikbar ta’ inċidenti.

Ironikament ukoll, il-Ministeru ta’ Ian Borg ħareġ stqarrija fejn fost oħrajn jiftaħar kemm qed jieħu ħsieb liċ-ċiklisti għax jgħid li fost oħrajn nieda l-kunċett ta’ share the road u jsemmi propju dik ta’ Ħaż-Żebbuġ… inizjattiva li fissret li korsija esklussiva għaċ-ċiklisti issa saret tajba wkoll għall-karozzi.

Silta mill-istqarrija tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, fejn il-Gvern jiftaħar li qaleb il-linja esklussiva għaċ-ċiklisti f’Ħaż-Żebbuġ f’waħda maqsuma mal-karozzi.