Internazzjonali

L-Arġentina: Jibda s-summit tal-G20 fost arja ta’ tensjoni

Il-Mexxejja tad-dinja, fil-preżent, qegħdin jiltaqgħu fi Buenos Aires għas-summit annwali tal-G20 li qed ikun organizzat għall-aktar pajjiżi industrijalizzati. Intant, l-avveniment qed ikun iddominat mit-tensjoni ġdida bejn ir-Russja u l-Ukrajna u meta għadha qed tqanqal it-tilwima kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħassar laqgħa li kienet ipprogrammata mal-President tar-Russja, Vladimir Putin, bid-deċiżjoni twassal messaġġ ta’ protesta għall-aħħar incident fil-Baħar l-Iswed, fejn qawwiet Russi, jiem ilu, kienu ħatfu tliet dgħajjes u baħrin tal-qawwiet navali tal-Ukrajna. Trump qal li ma kienx se jiltaqa’ ma’ Putin għaliex ir-Russja naqset milli tibgħat lura l-baħrin u d-dgħajjes inkwistjoni.

Fi żvilupp sinifikanti qabel il-bidu uffiċjali tas-summit, Donald Trump iffirma ftehim kummerċjali mal-Mexxejja tal-Kanada u l-Messiku. Il-Ftehim tal-USMCA (US-Mexico-Canada Agreement) qed jieħu post il-ftehim NAFTA għall-kummerċ ħieles u Trump qal li ‘il-pajjiżi kollha se jibbenefikaw ħafna minnu’.

Madankollu, naqsu t-tamiet għall-progress fit-taħditiet dwar it-tariffi mistennija bejn Trump u l-President taċ-Ċina, Xi Jinping, waqt is-summit. Fil-fatt, mhux eskluż li, ‘il quddiem, teskala l-‘gwerra kummerċjali’ bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.

Is-summit tal-G20 – li beda taħt sigurtà kbira – hu wkoll eżami diplomatika għall-Prinċep Mohammed bin Salman tal-Arabja Sawdija. Dan fost il-mistoqsijiet jaħarqu kontinwi dwar il-possibbiltà li l-Arabja Sawdija kienet involuta fil-qtil brutali, ġimgħat ilu, tal-ġurnalista, Jamal Khashoggi, li seħħ fil-konsulat Sawdi ta’ Istanbul, fit-Turkija.

Il-Kanada, sigħat qabel is-summit, imponiet is-sanzjonijiet għal 17-il nazzjonal Sawdi li allegatament huma marbuta mal-qtil u l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May qalet li kienet beħsiebha tiltaqa’ mal-Prinċep Salman u twassallu ‘messaġġ ċar ħafna’. Hi irrepetiet il-ħtieġa għal investigazzjoni sħiħa u trasparenti dwar x’kien seħħ tassew fil-konsulat u biex in-nies responsbbli mir-reat iħallsu għal għemilhom.

Il-ftuħ tal-G20 fi Buenos Aires qed jikkonċentra fuq ‘l-iżvilupp xieraq u sostenibbli’, bil-wiegħdiet konnessi mal-bidliet fil-klima wkoll qegħdin jispikkaw f’dan l-avveniment li jikkonkludi għada, is-Sibt.