Lokali

“Bil-flus li l-Gvern qed jisraqna mill-power station tal-Electrogas konna ngħinu lill-ħaddiema u l-familji tagħhom” – Adrian Delia

“Il-Gvern qed jisraqna mill-power station il-ġdida u mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u l-Ministru Konrad Mizzi qed jiftaħar li din is-serqa hija ‘best practice’ u allura qed jagħtina garanzija li se jibqa’ jisraqna bl-istess mod fil-kuntratti. Dan meta l-ħaddiema qed jieħdu biss €2.33 fil-ġimgħa.’, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-għeluq tal-konferenza l-Valur tal-Paga Tiegħek organizzata mis-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN).

Dr Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li qed ninsterqu €200 miljun kull sentejn. Huwa qal li b’dawn il-flus li qegħdin ninsterqu konna ngħinu lill-ħaddiema u l-familji tagħhom, nagħtu appoġġ lill-ħaddiema żgħażagħ li mhux qed ilaħħqu mal-kirjiet għoljin, konna nagħtu saqaf fuq rashom lit-3,200 li qed jistennew housing soċjali u noħorġu lis-70,000 persuna mill-faqar finanzjarju.

Adrian Delia qal li fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista hemm in-nies u l-ħaddiema huma prijorità. Huwa qal li Joseph Muscat qed ikejjel biss bin-numri u jekk il-popolazzjoni tikber, għalih tkun qed tikber ukoll l-ekonomija iżda dan mhux kejl li juri jekk in-nies hux qed jgħixu aħjar.

Dr Delia qal li jeħtieġ li jkollna pjan fit-tul jekk il-Gvern se jibqa’ jġib 15,000 ħaddiem barrani kull sena. Dan għaliex din iż-żieda fin-numru tal-ħaddiema barranin qed twassal biex iċ-cheap labour jerġa’ jgħolli rasu, fejn il-pagi qed jibqgħu baxxi, l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema jitnaqqru u ma jiżdiedux kif jixraq u fejn il-unjins li jirrappreżentawhom jispiċċaw jiddgħajfu meta jirrappreżentaw u jinnegozjaw f’isem il-ħaddiema. Dan minħabba ż-żieda qawwija ta’ ħaddiema barranin bla pjan.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-faqar finanzjarju żdied b’10,000 f’ħames snin u ħafna ħaddiema u l-familji tagħhom mhux qed ilħaqqu sal-aħħar tax-xahar. Dan meta l-akbar żidiet kien fuq il-prodotti tal-ikel u allura dawk li għandhom l-inqas paga qed ibatu biex jixtru ikel bnin u biex jixtru l-aktar prodotti essenzjali. Adrian Delia qal li quddiem dan kollu l-Gvern jibqa’ sieket u jgħid li dawn il-problemi li ħoloq hu stess ma jeżistux. Bid-dokument li tressaq waqt il-Kunsill Ġenerali, l-Partit Nazzjonalista qed jagħraf u jifhem il-bidliet fis-soċjetà tagħna biex infasslu pjan serju li jkun jibda mill-fatti u fejn il-ġid li jinħoloq jitqassam tajjen f’soċjetà li jimpurtaha.