Futbol Sport

Juventus ikomplu jirbħu u jikkonsolidaw posthom fil-quċċata tas-Serie A

(Ritratt: EPA)

Iċ-champions Juventus komplew jirbħu fil-kampjonat din id-darba meta għelbu l-isfida ta’ Fiorentina 3-0 fi Stadio Artemio Franchi. B’din ir-rebħa huma jinsabu momentarjament 11-il punt vantaġġ fuq Napoli li jilagħbu għada barra minn darhom f’konfront diffiċli kontra Atalanta.

Juventus marru fil-vantaġġ fit-32 minuta meta RODRIGO BENTANCUR ħabbat il-ballun ma’ Paulo Dybala, qata għan-nofs u għeleb lil Alban Lafont b’xutt djagonali fil-baxx. Huma rduppjaw fid-69 minuta b’daqqa ta’ ras fid-direzzjoni ta’ GIORGIO CHIELLINI li xxuttja bil-lemin minn mal-art, bil-gowlkiper ta’ Fiorentina Lafont isalva parzjalment iżda l-ballun imbaram biex spiċċa daħal fix-xibka.

Il-Bianconeri ssiġillaw ir-rebħa għaxar minuti wara meta r-referee Daniele Orsato ġġudika li l-ballun mess direttament ma’ id Edimilson Fernandes. Mill-11-il metru nkariga ruħu CRISTIANO RONALDO li għeleb lil Lafont b’xutt preċiż.

Sampdoria laħqu momentarjament lil Roma u Sassuolo b’rebħa kbira ta’ 4-1 kontra Bologna fi Stadio Marassi. DENIS PRAET fetaħ l-iskor wara għaxar minuti meta kompla mill-viċin wara kross mix-xellug. Bologna wettqu reazzjoni u ġabu d-draw seba’ minuti wara bl-eks ANDREA POLI jegħleb mill-qrib lil Emil Audero wara kross mil-lemin.

Iżda Sampdoria wieġbu mill-ewwel u reġgħu marru minn fuq fil-25 minn b’xutt tipiku tal-kwalità ta’ FABIO QUAGLIARELLA, biex GASTON RAMIREZ għamilhom 3-1 fil-41 minuta. FABIO QUAGLIARELLA għalaq il-logħba bir-raba’ gowl fit-68 minuta.

Spal u Empoli ħadu punt kull wieħed fi draw divertenti ta’ 2-2 fi Stadio Paolo Mazza. Kienu Spal li fetħu l-iskor wara biss ħames minuti b’daqqa ta’ ras ta’ JASMIN KURTIC minn korner.

Empoli ġabu d-draw fl-24 minuta meta FRANCESCO CAPUTO rċieva ballun barra l-kaxxa, avvanza u għadda l-ballun bejn saqajn Alfred Gomis u saħansitra marru minn fuq ftit qabel intemmet l-ewwel taqsima b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ RADE KRUNIC li ma’ ta l-ebda ċans lil Gomis.

Fid-49 minuta Spal kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas meta Thiago Cionek intwera l-karta l-ħamra għal fawl f’nofs il-grawnd. Iżda minkejja l-inferjorità numerika Spal ġabu d-draw fis-67 minuta b’daqqa ta’ ras oħra ta’ JASMIN KURTIC.

Tags