Futbol Sport

Man City jiftħu vantaġġ ta’ ħames punti u jistennew id-derby ta’ Merseyside

(Ritratt: EPA)

Manchester City għelbu l-isfida denja ta’ Bournemouth, 3-1, fl-Etihad Stadium biex żiedu l-vantaġġ f’ras il-Premier League għal ħames punti. Dan meta s-Citizens qed jistennew id-derby ta’ Merseyside fejn Liverpool, it-tieni fil-klassifika, jistgħu jaqtgħu l-iżvantaġġ b’rebħa fuq ir-rivali eterni Everton, f’Anfield Road.

Ir-rebħa ta’ City tfisser li s-skyblues ta’ Manchester żammew ir-rekord perfett f’darhom fejn ma tilfux punt wieħed mill-bidu tal-istaġun u meta huma, issa, irreġistraw tmien rebħiet minn tmienja. Intant, il-konfront ma’ Bournemouth kien pjuttost diffiċli għal City li ħadu l-vantaġġ wara 16-il minuta meta Bernardo Silva sammar ġewwa, sekondi wara li l-gowlkiper Begovic kien ċaħad lil Leroy Sane. Fil-fatt, fl-44 minuta, cross ta’ Simon Francis sab lil Callum Wilson żmarkat għall-1-1 li kienet doċċa kiesħa għat-tim ta’ Pep Guardiola.

Bournemouth fetħu t-tieni taqsima fuq l-attakk u marru qrib il-vantaġġ b’tentattiv ta’ King, iżda mas-siegħa logħob kien Raheem Sterling li poġġa lil City 2-1 minn fuq wara azzjoni ta’ Danilo u meta Nathan Ake naqas li jbiegħed il-periklu.Ħdax-il minuta mit-tmiem, Ilkay Gundagon aċċerta mill-punti għal Man City bit-tielet gowl fuq l-assist ta’ Sane, u b’dan ir-riżultat jikkundanna lil Bournemouth għar-raba’ telfa konsekuttiva.

Manchester United irkupraw minn bidu terribbli ma’ Southampton – fejn sabu ruħhom fi żvantaġġ doppju wara biss 20 minuta – biex salvaw punt f’St Mary’s Stadium. Intant, ir-riżultat finali, 2-2, għandu jiddiżappunta lir-Red Devils li baqgħu fis-seba’ post tal-klassifika – 16-il-punt wara l-liders Manchester City.

Is-Saints marru fil-vantaġġ b’żewġ gowls minn Stuart Armstrong (13) u Cedric Soares (20), b’United iwieġbu minn Lukaku, fit-33 minuta u b’Herrera, ħames minuti wara, jikseb il-parità fuq xogħol tajjeb ta’ Rashford. It-tieni taqsima ma produċitx aktar gowls u fejn l-ebda tim ma wettaq xi pressjoni partikulari fuq il-lasta avversarja.

Crystal Palace kisbu rebħa importanti, 2-0, fuq Burnley f’Selhurst Park biex tbiegħdu xi ftit miz-zona l-ħamra. Intant, il-Clarets qed jiffaċċjaw kriżi ċara meta ilhom ma jirbħu għal seba’ logħbiet u meta issa jinsabu t-tieni mill-aħħar fil-klassifika. Kien James McArthur li, fis-16-il minuta, sab ix-xiba bi cross-shot fil-baxx, bl-Eagles ikollhom jistennew sas-77 minuta biex Andros Townsend jissiġġilla l-punti b’xutt qawwi li ma ta l-ebda cans lill-gowlkiper Joe Hart.

Huddersfield Town irritornaw fl-inkwiet wara li tilfu f’darhom, 1-2, ma’ Brighton – u minkejja li huma kienu kisbu l-vantaġġ fil-John Smith’s Stadium wara biss 55 sekonda. L-awtur ta’ dan il-gowl ( l-aktar wieħed veloċi fil-Premier League f’dan l-istaġun) kien Mathias Jorgensen, iżda minn dak il-ħin l-affarijiet bdew jiġu ħażin għat-Terriers li fit-32 minuta tkeċċielhom Steve Mounie għal fawl ikrah fuq Bissouma. Minn dak il-ħin, il-logħba daret favur Brighton li dawwru r-riżultat minn Duffy, li skorja fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, u bil-gowl deċiżiv jasal fis-70 minuta minn Florin And one li ma żbaljax mill-viċin.

Leicester City impressjonaw fir-rebħa, 2-0, fuq Watford fil-King Power u issa jinsabu t-tmienja fil-klassifika, meta ilhom ħames logħbiet mingħajr telfa fil-Premier League. Il-Foxes marru fil-vantaġġ fit-12-il minuta meta Jamie Vardy kkonverta penalty wara li kien twaqqa’ fil-kaxxa minn Foster. Għaxar minuti wara, James Maddison irdoppja għal Leicester u għalkemm Watford ħolqu sensiela ta’ ċansijiet huma ma setgħux jinfdu d-difiża kompatta tal-Foxes. Fil-fatt, il-Hornets spiċċaw il-logħba b’għaxra meta fid-90 minuta tkeċċielhom Etienne Capoue għal daħla xejn kumplimentuża fuq Iheanacho,

Newcastle United kienu umiljati f’darhom,0-3, minn West Ham United, bil-Geordies ftit joħolqu opportunitajiet ta’ skor quddiem il-pubbliku ta’ St James Park. Fil-verità, il-Hammers ma kellhomx jitħabtu daqshekk għal din ir-rebħa konvinċenti, bl-eroj ta’ West Ham ikun Javier ‘Chicarito’ Hernandez b’żewġ gowls (11,63) u bil-gowl l-ieħor jasal fit-93 minuta minn Felipe Anderson fuq ħarba veloċi.