Lokali

Il-PN ifakkar il-qtil Politiku ta’ Raymond Caruana

Il-Partit Nazzjonalista l-Ħadd filgħodu fakkar il-qtil politiku ta’ Raymond Caruana li kien inqatel fil-Każin Nazzjonalista tal-Gudja fil-5 ta’ Diċembru 1986 wara li kienu sparati tiri ta’ sub-machine gun mal-faċċata tal-Każin.

Fl-okkażjoni tat-32 sena mill-qtil tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, poġġa bukkett fjuri fuq il-qabar tiegħu fiċ-ċimiterju tal-Gudja.

Preżenti wkoll kien hemm familjari ta’ Raymond Caruana, fosthom ħutu, il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, Deputati tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll diversi kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Wara, fil-Knisja Parrokkjali tal-Gudja saret quddiesa ta’ suffraġju għal ruħ Raymond Caruana. Għaliha attendew ukoll l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kif ukoll l-President Emeritus Eddie Fenech Adami.

Fl-omelija, l-Arċipriet Dun Norman Zammit tkellem dwar kif xi darba lkoll irridu nroddu ġisimna lill-art u ruħna lejn is-sema u lkoll irridu ngħaddu mill-ġudizzju universali. Huwa qal li bejn it-twelid u l-mewt, hemm avveniment importanti, dak tal-ħajja. Temm l-omelija tiegħu billi qal li m’għandnix inħallu xi aljenazzjonijiet li jirkbuna f’ħajjitna sabiex fil-ġudizzju universali, nifirħu u niċċelebraw dak kollu li nkunu għamilna f’ħajjitna.