Futbol Sport

Malta kontra Spanja fi Grupp F tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew

Illum f’Dublin telgħu l-poloz tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew li se jsir fi 12-il belt differenti biex jiġi ċċelebrat is-60 sena mit-twaqqif tal-UEFA.

It-tim nazzjonali Malti jinsab fi Grupp F bl-aktar tim iebes hu Spanja. Żgur li l-media Spanjola se tkun qed titfa’ l-attenzjoni fuq dak li kien seħħ fl-1983 meta Spanja kienet għelbet lit-tim Malti 12-1, f’logħba li tibqa’ tissemma minħabba l-kontroversja marbuta magħha. Għalkemm dik il-logħba kienet l-aħħar konfront f’fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew, dak ma kienx l-aħħar konfront bejn iż-żewġ nazzjonijiet hekk kif minn dakinhar kien hemm erba’ logħbiet oħra, bl-aħħar waħda tkun fit-12 ta’ Frar tal-1997. Malta lagħbet seba’ darbiet kontra Spanja u dejjem ħarġet telliefa bi tliet gowls skorjati filwaqt li Spanja skorjat 36 gowl.

Il-logħbiet mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni jibdew f’Marzu li ġej u jintlagħbu żewġ logħbiet f’kull xahar f’Marzu, Ġunju, Settembru, Ottubru u Novembru li ġej. L-ewwel żewġ timijiet minn kull grupp jikkwalifikaw direttament għall-fażi finali, bl-erba’ timijiet l-oħra jgħaddu permezz tal-play-offs tal-UEFA Nations League.

Il-gruppi kollha

Grupp A – Ingilterra, Repubblika Ċeka, Bulgarija, Montenegro, Kosovo

Grupp B – Portugall, Ukrajna, Serbja, Litwanja, Lussemburgu

Grupp Ċ – Olanda, Ġermanja, Irlanda ta’ Fuq, Estonja, Belarus

Grupp D – Żvizzera, Danimarka, Irlanda, Georgia, Ġibiltà

Grupp E – Kroazja, Wales, Slovakkja, Ungerija, Ażerbajġan

Grupp F – Spanja, Żvezja, Norveġja, Rumanija, Gżejjer Faroe, Malta

Grupp Ġ – Polonja, Awstrija, Iżrael, Slovenja, Maċedonja, Latvja

Grupp H – Franza, Iżlanda, Turkija, Albanija, Moldova, Andorra

Grupp I – Belġju, Russja, Skozja, Ċipru, Kazakhstan, San Marino

Grupp J – Italja, Bożnija, Finlandja, Greċja, Armenja, Liechtenstein

Il-poloz tal-gruppi tal-fażi finali jitilgħu fl-1 ta’ Diċembru, bl-24 tim li jikkwalifikaw jkunu maqsuma f’sitt gruppi. Il-logħba tal-ftuħ tal-fażi finali se ssir fit-12 ta’ Ġunju b’logħba minn Grupp A fi Stadio Olimpico. Il-fażi tal-gruppi tintemm fl-24 ta’ Ġunju u tlett ijiem jibda r-rawnd tal-aħħar 16. Is-semifinali jintlagħbu fis-7 u t-8 ta’ Lulju bil-finali tintlagħab fit-12 ta’ Lulju. Is-semifinali u l-finali se jintlagħbu f’Wembley Stadium.