Futbol Sport

Roma u Inter jispiċċaw fi draw li ma kkuntenta lil ħadd

(Ritratt: EPA)

Roma u Inter spiċċaw fi draw ta’ 2-2 fi Stadio Olimpico f’partita divertenti iżda li probabbilment ma kkuntentat lill-ebda tim. Inter laħqu momentarjament lil Napoli iżda n-Naplitani għandhom logħba anqas filwaqt li Roma jinsabu fis-seba’ post u issa jinsabu ħames post taħt Milan li jinsabu fir-raba’ u l-aħħar post li jfisser li jilagħbu fiċ-Champions League staġun ieħor.

Inter kienu fetħu l-iskor fis-37 minuta meta minn kross mil-lemin kien KEITA BALDE li b’konklużjoni mill-ewwel minn qagħda ideali għeleb lil Robin Olsen. Reazzjoni ta’ Roma fil-bidu tat-tieni taqsima li wasslet biex ġabu d-draw fil-51 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ CENGIZ UNDER minn madwar 25 metru wara li tħalla żmarkat li ħalla lil Handanovic iħares.

Inter reġgħu marru minn fuq fis-66 minuta meta minn korner mil-lemin, għola tajjeb MAURO ICARDI li żmarka ruħu biex b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Olsen għat-tmien gowl fil-kampjonat. Iżda Roma ġabu d-draw fl-74 minuta meta ngħataw penalty wara li l-ballun ħabat ma’ id Marcelo Brozovic, deċiżjoni li r-referee Gianluca Rocchi kkonferma permezz tal-VAR. Mill-11-il metru ALEKSANDAR KOLAROV għeleb lil Handanovic b’xutt potenti għar-rokna leminija.

VERONA – Chievo baqgħu l-uniku tim bla rebħa wara 14-il logħba iżda kisbu punt importanti fi Stadio Bentegodi kontra Lazio, biex kompla l-bidu pożittiv ta’ Domenico Di Carlo fit-tmexxija ta’ Chievo. Il-veteran SERGIO PELLISSIER kien poġġa lil Chievo minn fuq fil-25 minuta meta rċieva vertikalment fl-ispazju u b’gowl tipiku ta’ attakkant għeleb lil Thomas Strakosha b’xutt b’saħħtu. Lazio ġabu d-draw fis-66 minuta b’CIRO IMMOBILE jirċievi ballun barra l-kaxxa, avvanza u minn pożizzjoni ċentrali fil-kaxxa għeleb lil Stefano Sorrentino.

FROSINONE – Frosinone naqsu li jnaqqsu d-distakk mit-timijiet ta’ fuqhom wara li spiċċaw 1-1 kontra Cagliari fi Stadio Benito Stirpe. FRANCESCO CASSATA poġġa lil Frosinone minn fuq wara 14-il minuta meta rċieva minn daqqa ta’ ras mil-lemin u b’xutt fil-baxx li għadda minn bejn saqajn difensur avversarju għeleb lil Alessio Cragno. Cagliari ġabu d-draw fis-77 minuta bi kross mil-lemin minn tarf il-kaxxa jgħaddi tul il-lasta, b’DIEGO FARIAS imattar saqajh biex fuq it-tieni lasta għeleb lil Marco Sportiello. Cagliari spiċċaw il-logħba b’raġel anqas wara li tkeċċa Nicolò Barella fil-85 minuta.

MILAN – Milan dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Parma 2-1 f’San Siro.  Kien ROBERTO INGLESE li poġġa lil Parma minn fuq fid-49 minuta wara li għola tajjeb minn korner mix-xellug u għeleb lil Gianluigi Donnarumma b’daqqa ta’ ras. Reazzjoni immedjata ta’ Milan li ġabu d-draw fil-55 minuta b’opportuniżmu ta’ PATRICK CUTRONE li għeleb lil Luigi Sepe b’ġest akrobatiku. Il-gowl kellu jkun konfermat bil-VAR minħabba li Hakan Calhanoglu seta’ tellef lill-gowlkiper ta’ Parma. Milan skorjaw il-gowl tar-rebħa fil-71 minuta f’azzjoni oħra li r-referee Gianpaolo Calvarese kellu jirrikorri għal VAR wara li Alessandro Bastoni deher imiss il-ballun b’idu. Mill-11-il metru bil-kalma kollha FRANCK KESSIE għeleb lil Sepe.

SASSUOLO – Sassuolo naqsu li jitilgħu fis-sitt post fil-klassifika wara li fil-Mapei Stadiu ma rnexxielhomx jegħlbu lil Udinese meta spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls. B’dan il-punt huma jinsabu daqs Roma u Parma b’20 punt filwaqt li Udinese kisbu punt ieħor fit-taqtigħa kontra r-relegazzjoni, bil-kowċ Davide Nicola jidher li qed jirnexxilu joħroġ il-kwalità tat-tim.

TURIN – Żewġ gowls fi ftit ħin qabel tmiem l-ewwel taqsima taw rebħa fondamentali lil Torino fuq Genoa biex issa telgħu fis-sitt post u bħalissa jinsabu fiż-żona tal-Europa League għal staġun ieħor. CHRISTIAN KOUAME fetaħ l-iskor favur Genoa fis-36 minuta meta rċieva daqqa ta’ ras u tħalla waħdu fil-kaxxa ż-żgħira biex għeleb lil Salvatore Sirigu mill-viċin. Torino ġabu d-draw fil-45 minuta meta Genoa tilfu l-pussess tal-ballun quddiem il-kaxxa tagħhom, bil-ballun jispiċċa għand l-Arġentin CRISTIAN ANSALDI li għeleb lil Andrei Radu b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa. It-tim ta’ Walter Mazzarri skorja dak li spiċċa biex iddeċieda l-logħba ftit sekondi wara permezz ta’ penalty ta’ ANDREA BELOTTI, bil-gowlkiper Radu jaqta’ n-naħa iżda ma salvax il-ballun.

Klassifika wara l-14-il ġurnata: Juventus 40 punt, Inter 29 punt, Napoli 29 punt, Milan 25 punt, Lazio 24 punt, Torino 21 punt, Roma 20 punt, Sassuolo 20 punt, Parma 20 punt, Sampdoria 19-il punt, Fiorentina 18-il punt, Atalanta 18-il punt, Cagliari 16-il punt, Genoa 15-il punt, Spal 14-il punt, Empoli 13-il punt, Udinese 13-il punt, Bologna 11-il punt, Frosinone 8 punti, Chievo 2 punti

Logħob li jmiss: It-Tnejn: Atalanta v Napoli 8.30pm

Tags