Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista tilef il-fiduċja fis-sistemà ġdida ta’ għadd tal-voti kif ġiet imbagħbsa” – Clyde Puli

Il-Partit Nazzjonalista tilef il-fiduċja fis-sistema ġdida tal-għadd tal-voti, hekk kif jidher li l-mod kif taħdem din is-sistema nbidel mill-kumpanija li pproggrammatha mingħajr ma ġew ikkonsultati r-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista. Skont il-Kummissjoni Elettorali, lanqas l-uffiċjali tagħha ma ġew avżati li se jsir xi tibdil.

Iddikjara dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, li f’konferenza tal-aħbarijiet stqarr li minkejja li ninsabu qrib wisq tal-elezzjonijiet li jmiss, fejn suppost tiddebutta din is-sistema, għad hemm ħafna nuqqasijiet fiha kif ukoll numru ta’ tħassib fost oħrajn għax hemm lok ta’ xiri ta’ voti kif ukoll li s-sistema tista’ tinbidel b’mod faċli mingħajr ħadd ma jkun jaf.

Dan hekk kif kien biss grazzi għal osservaturi tal-Partit Nazzjonalista li sar magħruf li s-sistema nbidlet biex l-ammont ta’ voti li ġew rifjutati mis-sistema għaliex kien hemm xi dubji dwarhom naqas drastikament bejn l-ewwel u t-tieni test. Minkejja dan, għad hemm ukoll diversi nuqqasijiet. Fost dawn, voti li kienu mmarkati b’modi simili iżda uħud minnhom kienu rifjutati u għaddew għal assessjar manwali waqt li oħrajn ġew magħduda, kif ukoll voti li ġew magħduda meta suppost għaddew għal assessjar manwali.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista ddikjara li l-fiduċja tiegħu f’din is-sistema tnaqqret u li issa sta għall-Kummissjoni Elettorali li tara li kollox jimxi kif suppost u jitwieġbu l-mistoqsijiet li qed iqumu biex din il-fiduċja terġa’ tiġi restawrata.