Futbol Sport

Il-VAR fiċ-Champions League minn dan l-istaġun

Gianluca Rocchi waqt il-partita bejn Inter u Lazio

Il-UEFA ħabbret li s-sistema tal-Video Assistant Referees magħrufa bħala l-VAR se tintuża fiċ-Champions League u l-Europa League minn dan l-istaġun. It-teknoloġija kienet skedata li tidħol f’dawn il-kompetizzjonijiet minn dan l-istaġun.

Iżda l-UEFA qalet li se tiddaħħal mill-fażi tal-aħħar 16 fiċ-Champions League u fil-finali tal-Europa League. Il-VAR se tintuża wkoll fil-fażi finali tal-UEFA Nations League kif ukoll fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena.

“Aħna lesti li nużaw il-VAR aktar kmieni minn dak pjanat u ninsabu konvinti li se tkun ta’ benefiċċju għall-kompetituri tagħna hekk kif se tipprovdi għajnuna importanti lill-uffiċjali u tgħinhom inaqqsu d-deċiżjonijiet ħżiena,” qal il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin.

Il-VAR intużat ukoll fit-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena u diġà daħlet f’kampjonat ta’ livell bħas-Serie A, La Liga u l-Bundesliga, bil-Premier League fl-Ingilterra jiddeċiedi favur din it-teknoloġija biex tidħol fl-istaġu li ġej.

L-ewwel logħbiet tan-knock-out miċ-Champions League ta’ dan l-istaġun se jintlagħbu fit-12 ta’ Frar, bil-finali tal-Europa League se ssir fid-29 ta’ Mejju. Mill-istaġun li ġej, il-VAR tibda tintuża mill-fażi tal-play-offs kif ukoll fis-Super Cup Ewropea. Dan isegwi wkoll il-pjan tal-UEFA li ddaħħal il-VAR fl-Euro 2020, fl-Europa League u fil-UEFA Nations League tal-2021.