Futbol Sport

Is-seba’ rebħa konsekuttiva għal Manchester City fil-Premier League

(Ritratt: Premier League)

Manchester City komplew bit-triq tar-rebħ meta din id-darba marru Vicarage Road u għelbu lil Watford 2-1. B’hekk huma reġgħu jinsabu momentarjament ħames punti vantaġġ fuq Liverpool fil-quċċata tal-klassifika.

Ir-riżultat jagħti indikazzjoni differenti ta’ kif kienet il-logħba hekk kif City kienu fil-kontroll tal-logħba u kellhom biżżejjed azzjonijiet biex jiftħu l-iskor kmieni, tant li kienet kważi sorpriża li skorjaw l-ewwel gowl fl-40 minuta. Il-Ġermaniż Leroy Sane rċieva kross mil-lemin u antiċipa l-ħarġa ta’ Ben Foster u skorja b’sidru. Manchester City dehru li setgħu għalqu l-logħba fil-51 minuta f’azzjoni maħduma tipikament tagħhom b’diversi passaġġ fil-baxx, b’Gabriel Jesus jitfa’ kross fil-baxx mix-xellug lejn Riyad Mahrez li għeleb lil Foster b’xutt b’saħħtu.

Watford daħlu fil-logħba fil-85 minuta bi kross mil-lemin tas-sostitut Gerard Deulofeu  spiċċa għand Abdoulaye Doucoure li b’xi mod għeleb lil Ederson mill-kaxxa ż-żgħira. Dan il-gowl fetaħ il-logħba tant li Guardiola spiċċa daħħal difensur żejjed biex jiddefendi r-rebħa. Minkejja l-isforzi finali, Watford naqsu li jinfdu lid-difiża avversarja għal darba oħra.

Bournemouth telgħu parzjalment fis-sitt post b’rebħa ta’ 2-1 fil-Vitality Stadium kontra Huddersfield. Callum Wilson fetaħ l-iskor wara ħames minuti b’daqqa ta’ ras minn free-kick mil-lemin. It-tim ta’ Eddie Howe rdoppja fit-22 minuta f’kontrattakk veloċi li minnu Ryan Fraser skorja b’xutt fil-baxx. Terence Kongolo naqqas id-distakk fit-38 minuta b’daqqa ta’ ras minn pożizzjoni ċentrali.

Brighton telgħu f’nofs il-klassifika b’rebħa ta’ 3-1 fuq Crystal Palace. Glenn Murray fetaħ l-iskor fl-24 minuta minn penalty u minkejja li tkeċċa Shane Duffy fit-28 minuta, Leon Balogun irdoppja tliet minuti wara b’xutt fil-baxx minn korner. Florin Andone għalaq il-logħba eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima b’azzjoni personali mill-isbaħ. Luka Milivojevic naqqas id-distakk fil-81 minuta minn penalty.

West Ham rebħu 3-1 f’darhom kontra Cardiff. Lucas Perez skorja doppjetta fl-ewwel għaxar minuti tat-tieni taqsima u Michail Antonio għamilhom 3-0 fil-61 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner. Josh Murphy naqqas id-distakk fid-90 minuta.