Internazzjonali

Iżrael jieħu azzjoni kontra ‘il-mini tat-terroristi’

L-awtoritajiet Iżraeljani qegħdin jagħlqu mini taħt l-art fit-territorju ta’ Iżrael wara li dawn kienu tħaffru mill-membri tal-Moviment (militanti) tal-Hezbollah fil-Libanu, bil-għan li jinħatfu ċ-ċittadini Iżraeljani bħala ostaġġi.

Il-kelliema Iżraeljani qalu li ‘qed jinnewtralizzaw il-mini tat-terroristi’ qabel dawn jistgħu jintużaw mill-militanti u jsiru theddida għall-komunitajiet ċivili f’Iżrael.

Filwaqt li ma ssemmiex in-numru ta’ mini, f’dan il-każ, l-azzjoni għall-eliminazzjoni tat-theddida kienet qed issir man-naħa Iżraeljana tal-fruntiera.

It-tensjoni għadha għolja bejn Iżrael u l-milizzji tal-Hezbollah meta l-qawwiet Iżraeljani u dan il-grupp appoġġjat mill-Iran kienu ġġieldu gwerra ta’ xahar fl-2006. F’dan il-konflitt kienu tilfu ħajjithom aktar minn 1,200 Libaniżi ( fil-parti kbira ċivili) u xi 40 ċivili Iżraeljani.

Intant, Iżrael wissa dwar il-probabbiltà ta’ gwerra ġdida mal-Hezbollah u li ‘għandu juża s-saħħa militari fuq skala massiċċa’ fi kwalunkwe konfront.