Lokali Qorti

Sigurta’ stretta minħabba kura li ingħatat lil wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Caruana Galizia

Għadd sostanzjali ta’ Uffiċjali mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin kif ukoll Pulizija ġew osservati f’Ħaż-Żabbar dalgħodu, fl-inħawi tal-isptar St James, hekk kif jidher illi wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie bżonn kura medika.

Uħud mill-Uffiċjali tal-Ħabs, li waslu fuq il-post b’vannijiet għall-ħabta tal-11:15am, kienu mgħammda u armati sa snienhom, inkluż bil-klieb. Iz-zona madwar l-isptar ingħalqet għal xi ħin u ħadd ma seta’ jgħaddi.

Kollox jindika li din l-operazzjoni kienet waħda ta’ sigurtà, hekk kif fl-isptar ittieħed wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Fil-fatt fil-post ġie osservat ukoll vann tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Din il-ġimgħa George Degiorgio ressaq rikors fil-Qorti biex jingħata kura fi klinika privata għaliex kien qed isofri minn uġigħ fi spalltu.