Lokali

Sptar ġdid għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali mhux qabel l-2025

L-isptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali li ilu żmien imwiegħed minn Gvern Laburista, mhux se jkun lest qabel l-2025.

Ikkonferma dan il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li waqt konferenza tal-aħbarijiet innota li s’issa l-Gvern għadu fi stadju ta’ ppjanar dwar xi kmamar hemm bżonn li jkollu dan l-isptar, u kif se jitqassam. Din il-fażi mistennija tkun lesta sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Sadattant il-Ministru Fearne kkonferma wkoll il-qagħda mwegħra tal-Isptar Monte Karmeli, tant li wħud mill-pazjenti kellhom jiġu trasferiti fi swali oħra fl-istess sptar jew saħansitra lejn strutturi oħra hekk kif is-soqfa kienu waslu biex iċedu.

U issa f’pajjiżna bdiet konsultazzjoni nazzjonali bi tħejjija għall-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali għall-perjodu bejn l-2020 u l-2030 … liema strateġija tinkludi 75 suġġeriment. Fost dawn, il-bżonn ta’ screening nazzjonali għal problemi ta’ saħħa mentali, konxji mill-fatt li ħafna għadhom jibżgħu jitkellmu u jghidu li għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili.

Sfortunatament, pajjiżna għandu nuqqas ta’ informazzjoni dwar dan is-settur, tant li ċ-ċifri jirreferu għall-aħħar statistika kumparabbli ma’ pajjiżi Ewropej, li saret fl-2014. Minn dawn iċ-ċifri joħroġ li fl-2014, 4.2% tal-imwiet f’Malta ġew attribwiti għal problemi ta’ saħħa mentali jew problemi fl-imġieba tal-persuni affettwati. Ċifra li hi 0.5% ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea, bid-dimensja tkun il-kawża ewlenija ta’ dawn l-imwiet.

Dan apparti li 5.3% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istudju ddikjaraw li sofrew mid-dipressjoni f’xi waqt minn ħajjithom. 7.9% sofrew minn problemi ta’ ansjeta’ b’4% jiehdu medicini għall-ansjetà. Iċ-ċifri juru wkoll li r-riskji tal-problema ta’ psikosi, li f’pajjiżżna taffettwa 26 persuna kull 100,000, jiżdied kawża tal-izvilupp urban, livell soċjo-ekonomiku baxx kif ukoll l-immigrazzjoni.

Tant hu hekk li l-Ministru Fearne stess tkellem dwar il-bżonn li pajjiżna jindirizza l-problemi ta’ faqar, abbuż tad-droga u l-wasliet ta’ numru kbir ta’ barranin biex jaħdmu f’Malta bl-għan li titnaqqas l-inċidenza tal-każi ta’ problemi ta’ saħħa mentali.