Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Approvati l-proposti ta’ Zammit Dimech biex jissalvagwardjaw in-negozji online u jżidu l-għażla għall-konsumatur

Ir-regoli l-ġodda jiffaċilitaw il-kummerċ online u jgħinu l-konsumaturi jidentifikaw l-aqwa valur

“Pjattaformi online u search engines huma kruċjali għall-intrapriża u l-kummerċ. Dan għaliex jiftħu aċċess għal swieq ġodda u opportunitajiet ta’ kummerċ għan-negozji u l-SMEs. Jipprovdu wkoll lill-konsumaturi b’benefiċċji, bħaż-żieda fl-għażla tal-prodotti kif ukoll prezzijiet kompetittivi online. Hu għalhekk kruċjali li nirregolaw is-settur u nassiguraw trasparenza u ġustizzja, u għalhekk li dan il-vot hu pass ‘il quddiem għan-negozji u l-konsumaturi.”

L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li l-proposti tiegħu dwar regoli li jippromwovu l-ġustizzja u t-trasparenza għan-negozji li jużaw il-pjattaformi online, ġew approvati mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. Ix-xahar li għadda, ir-rapport ta’ Zammit Dimech kien appoġġjat mill-gruppi politiċi kollha u approvat b’mod unanimu (24 vot favur u l-ebda astensjoni jew vot kontra) fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali, li fuq din it-tema kellu kompetenza kondiviżiva.

Il-konsumaturi jagħmlu użu min-negozji fuq il-pjattaformi għall-prodotti, iżda anke għas-servizzi bħal titjiriet u akkomodazzjoni meta jivvjaġġaw, u jibbażaw l-għażla tagħhom fuq riżultati ta’ tiftix u informazzjoni li jkunu provduti min-negozji fuq il-pjattaformi. Fir-rapport tiegħu, Zammit Dimech ressaq proposti leġislattivi li jassiguraw trasparenza f’termini ta’ klassifikazzjoni li tintuża mill-pjattaformi, li permezz tagħhom tingħata prominenza lill-prodotti jew servizzi fir-riżultati tat-tiftix. Dan għandu jsir billi l-pjattaformi għandhom jiżvelaw il-prinċipji tal-parametri li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni mingħajr ma jiżvelaw sigrieti tal-kummerċ. Dan jimplika li SMEs żgħar issa se jkollhom aktar informazzjoni dwar kif jirreklamaw il-prodotti tagħhom. Il-proposti ta’ Zammit Dimech jirriflettu l-veduti ta’ diversi stakeholders li ltaqa’ magħhom matul l-aħħar xhur, kemm f’Malta kif ukoll fi Brussell. Zammit Dimech irringrazzja, b’mod partikolari lill-Malta Business Bureau (MBB) u rappreżentanti tas-settur tal-ospitalità għall-kontribut tagħhom.

L-MEP Francis Zammit Dimech waqt laqgħa mal-Malta Business Bureay

Waqt li llum kien qed jitkellem fil-Konferenza tat-turiżmu ARISE, Zammit Dimech, eks Ministru tat-Turiżmu, qal li fir-rapport tiegħu, hu nsista li l-informazzjoni miġbura minn pjattaforma b’riżultat tal-attività kummerċjali ta’ negozjant, tkun disponibbli għan-negozji rispettivi. “Din hi informazzjoni li tikkonċerna s-settur u li hi vitali biex tipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi dwar servizzi aħjar u biex issaħħaħ ir-reklamar immirat tas-servizz jew prodott. Din l-informazzjoni hi kruċjali u għalhekk jien appoġġjajt lill-SMEs fl-argument li għamlu biex din l-informazzjoni tkun disponibbli għalihom. Ovvjament, għandhom jittieħdu miżuri li jassiguraw li l-protezzjoni tal-informazzjoni taċ-ċittadini tal-UE tkun rispettata,” qal Zammit Dimech.

Il-liġi tipprovdi wkoll salvagwardji għall-SMEs, li jinkludu li jkunu informati b’bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaformi, kif ukoll dwar il-possibilità li jintemm ftehim mingħajr ħlas, f’każ li l-bidla li ssir mill-pjattaforma tkun ta’ ħsara għan-negozji. Filwaqt li xi pjattaformi jista’ jkollhom postijiet oħra fejn jistgħu jiddistribwixxu l-informazzjoni, in-negozji li jużaw dawn il-pjattaformi ingħataw id-dritt li jkunu nfurmati dwar dan, u ngħataw ukoll id-dritt li jitolbu biex jitneħħew minn dawn il-postijiet.

Il-proposti ta’ Zammit Dimech jinkludu wkoll it-tisħiħ tas-sistema interna li tieħu ħsieb l-ilmenti, u sejjaħ għal trattament ugwali għan-negozji mingħajr ritaljazzjoni għan-negozji li jużaw is-sistema. Ġiet identifikata lista ta’ prattiċi kummerċjali inġusti biex tinkoraġġixxi pjattaformi li ma jużawx dawn it-tip ta’ prattiċi. Eżempju ta’ dan hu meta l-pjattaformi jipprojbixxu n-negozji milli jużaw pjattaformi kompetituri biex jippromwovu servizzi u prodotti oħra. Ittieħdu wkoll salvagwardji li jipproteġu l-konsumaturi billi jobbligaw in-negozji biex jipprovdu informazzjoni korretta dwar is-servizzi u l-prodotti tagħhom, li jinkludu l-elementi tal-prezz u l-obbligi legali b’rabta mal-konsumatur.

Wara l-approvazzjoni tal-Kumitat, mistennija jibdew in-negozjati bejn l-istituzzjonijiet tal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Zammit Dimech se jkun qed jirrapreżenta l-Parlament Ewropew f’dawn in-negozjati.