Futbol Sport

FUTBOL INGLIŻ: Klopp jitlob protezzjoni għall-plejers ta’ Liverpool

Il-manager ta’ Liverpool, Juergen Klopp, irrimarka dwar ‘is-sensiela ta’ daħliet koroh’ fuq il-plejers tiegħu fir-rebħa, 3-1, tal-Erbgħa bil-lejl fuq Burnley, fil-Premier League. Dan wara li r-Reds ikkonsolidaw it-tieni post fil-klassifiika, fejn għandhom żewġ punti żvantaġġ mal-liders ( u ċ-Champions tal-Ingilterra), Manchester City.

Liverpool x’aktarx li se jkunu mingħajr is-servizzi tad-difensur, Joe Gomez, li kellu joħroġ fuq stretcher fl-ewwel taqsima tal-konfront mal-Clarets wara daħla xejn kumplimentuża ta’ Ben Mee. Intant, fl-aħħar tal-logħba f’Turf Moor, Klopp ilmenta dwar ‘is-sistema ta’ logħob goff’ min-naħa tal-Clarets waqt li appella biex il-plejers tiegħu ‘jingħataw aktar protezzjoni mill-uffiċjali’.

Ir-rebħa fuq Burnley kienet it-tnax il-waħda għar-Reds fil-kampjonat u jfisser li Liverpool għamlu l-aqwa bidu għal staġun tal-Premier League wara 15-il-logħba.

Madankollu, Klopp – li fl-aħħar tal-logħba kellu battibekk mal-manager ta’ Burnley, Sean Dyche – wera d-dispjaċir tiegħu għad-daħliet ‘robusti’ mill-avversarji u sostna li ‘Burnley ħarġu bi pjan speċifiku biex juru aggressività straordinarja’.

Intant, Joe Gomez, ilbieraħ, kien għaddej minn testijiet fuq l-għaksa li għandhom jiddeterminaw meta hu jista’ jirritorna għal-logħob wara l-injury.

Is-sitwazzjoni għal Burnley, sadanittant, qed tidher iddisprata meta l-Clarets jinsabu t-tieni mill-aħħar fil-Premier League fejn huma separati biss bid-differenza ta’ gowls mit-tim tal-qigħ, Fulham Għal Dyche, il-konfront ma’ Liverpool kien it-300 logħba tiegħu bħala manager u wara hu ma kkummentax fid-dettall għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-kwistjoni li nqalgħet bejnu u Klopp.