Lokali

Il-UĦM Voice of the Workers tappella għad-diskussjoni meta jkun se jseħħ xi tibdil

Kull tibdil għandu jsir wara konsultazzjoni mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom għax jekk le, jista’ joħloq demotivazzjoni u dipressjoni. Għaldaqstant, hu essenzjali li, filwaqt li jirrikonoxxi l-avvanzi li jkun hemm bżonn isiru, wieħed għandu jibqa’ jara l-aspett uman.

Hekk qal id-Direttur tal-UĦM Voice of the Workers Jesmond Bonello fil-bidu ta’ konferenza dwar kif ir-relazzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol jistgħu jinbidlu bis-sehem tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema. Din il-konferenza, organizzata mill-UĦM, qed issir ukoll bis-sehem tal-organizzazzjoni Ġermaniża EZA.

Din tinkludi fiha 73 union minn 30 pajjiż Ewropew differenti, li jimxu mal-valuri Soċjal-Kristjani, u tinkludi lill-Union Solidarnosc, li ħadmet qatigħ biex il-Polonja seta’ joħroġ minn taħt il-mant Komunista.

Filwaqt li faħħar l-aġġornamenti li ta’ spiss nisimgħu fit-teknoloġija, hu tenna l-appell għat-taħriġ fost l-impjegati. Qal li jekk wieħed iħares lejn it-tibdil kif suppost, dawn kapaċi jwasslu għas-suċċess meħtieġ.

Id-Direttur tal-UĦM Voice of the Workers qal li l-akbar sfida għal kull union hi kif turi l-vantaġġi wara l-ħidma kollettiva. Hu għalhekk li l-unions għandhom ikomplu jadattaw ruħhom għat-tibdiliet fl-ekonomija internazzjonali ħalli jkomplu jevolvu.