Internazzjonali

Ir-Renju Unit jissospendi l-iskema tal-visa b’investiment

L-awtoritajiet fir-Renju Unit se jissospendu l-iskema tal-visa b’investiment ta’ żewġ miljun Lira Sterlina jew aktar. Dan minħabba t-tħassib li jistgħu qed japprofittaw minnha l-kriminali u għall-ħasil tal-flus.

Is-sistema kienet bdiet fl-2008; min kien jinvesti aktar minn ₤2 miljun Sterlina kien jingħata l-visa tar-residenza u mbagħad iċ-ċittadinanza, skont l-ammont investit.

Issa d-deċiżjoni biex din tkun sospiża ttieħdet wara li f’Mejju kien hemm reviżjoni tas-sistema u anki tal-applikazzjonijiet li saru. Is-sistema se tkun sospiża mil-lum u sakemm jidħlu fis-seħħ ir-regoli l-ġodda s-sena d-dieħla.

Bir-regoli l-ġodda, minn japplika jrid jagħti rendikont dettaljat ta’ kif kiseb l-assi tiegħu u dawn jiġu vverifikati minn kumpanija tal-awdituri bbażata fir-Renju Unit u bħala investiment mhux se jitħallew sempliċement jixtru bonds tal-Gvern.