Internazzjonali

Is-Serbja ma teskludix intervent armat fil-Kosovo

Ana Brnabic, il-Prim Ministru tas-Serbja, ilbieraħ wissiet li jekk il-Kosovo joħloq armata, dan jista’ jwassal għal intervent militari Serb f’din l-eks provinċja tagħha. Dan hekk kif f’dawn l-aħħar xhur it-tensjoni bejn dawn iż-żewġ pajjiżi rat eskalazzjoni.

Brnabic qalet li filwaqt li tittama li l-Armata Serba ma jkollhiex għalfejn tintervjeni, din kienet waħda mill-għażliet li l-Gvern kellu quddiemu. Fl-14 ta’ Diċembru, il-Parla-ment tal-Kosovo se jivvota dwar jekk il-frozi tas-sigurtà fil-pajjiż għandhomx jinbidlu f’armata regolari. L-uffiċjali Serbi qed isostnu li l-iskop ta’ din l-armata se jkun biex titkeċċa l-minoranza Serba mill-Kosovo.

Brnabic wissiet li l-Gvern Serb ma kienx se joqgħod iħares jekk ikun hemm tindif etniku tas-Serbi fil-Kosovo. Il-Kosovo kien iddikjara l-indipendenza fl-2008.

Is-Serbja, ir-Russja u ċ-Ċina ma jagħrfux l-indipendenza tal-Kosovo filwaqt li dan l-għarfien ingħata mill-Istati Uniti u minn parti kbira tal-Punent. Is-Serbja tilfet il-kontroll tal-Kosovo wara gwerra bejn l-1998 u l-1999, li ħalliet aktar minn 10,000 persuna mejta u l-intervent brutali Serb kien wassal għal intervent tan-NATO.