Internazzjonali

Mad-90 persuna arrestati f’ħidma internazzjonali kontra l-‘Ndrangheta

Membri tal-grupp kriminali Taljan tal-‘Ndrangheta matul il-ġurnata tal-Erbgħa kienu fil-mira ta’ ħidma internazzjonali.

Ħidma li rat rejds f’diversi pajjiżi fosthom il-Belġju, il-Ġermanja, l-Olanda u l-istess Italja. Il-Pulizija Taljana li koordinat il-ħidma qalet li kien hemm tal-anqas 90 arrest b’kollox imma dawn jistgħu jiżdiedu.

L-‘Ndrangheta, li l-għeruq tagħha huma fir-reġjun Taljan tal-Kalabrija, hi mdaħħla fit-traffikar tal-kokaina u ħasil ta’ flus. Hu stmat li l-‘Ndrangheta tikkontrolla 80 fil-mija tat-traffikar tal-kokaina fl-Ewropa.

Fir-rejds li saru kien hemm ħafna ristorants u negozji ta’ Taljani li spiċċaw fil-mira.

Fil-ħidma kien hemm ukoll imdaħħal l-Eurojust, l-aġenzija ta’ kooperazzjoni ġuridika tal-Unjoni Ewropea. L-Eurojust qalet li l-ħidma kienet imlaqqma “Pollino” u x-xogħol fuqha kien ilu li beda mill-2016.

Il-midja Ġermaniża qalet li fil-Ġermanja, il-ħidma tal-Pulizija kienet konċentrata l-aktar fir-reġjun tan-Nord Rhine-Westphalia u kienu mdaħħla 240 uffiċjal tal-Pulizija u 240 persuna oħra ta’ appoġġ minn aġenziji federali oħra. Il-midja Olandiża qalet li fil-pajjiż l-‘Ndrangheta tuża l-kummerċ tal-fjuri biex tittraffika d-droga filwaqt li fil-Belġju, il-ħidma tal-Pulizija kienet konċentrata fl-inħawi ta’ Limburg.

Din il-ħidma seħħet ġurnata wara li l-Pulizija Taljana arrestat dak li jitqies il-kap ġdid tal-Mafja ta’ Sqallija, Settimo Mineo, li għandu 80 sena, jitqies bħala s-suċċessur ta’ Totò Riina li miet sena ilu f’ħabs Taljan. Flimkien miegħu kienu arrestati 45 persuna oħra.