Futbol Sport

Pele jikkritika lil Messi u jgħid li hu kien plejer ‘aktar komplut’

L-eks-attakkant leġġendarju ta’ Santos u l-Brażil, Pele, ikkummenta b’mod kritiku dwar l-attakkant ta’ Barċelona, Lionel Messi u sostna li l-Arġentin ‘jixxuttja lejn il-lasta b’siequ x-xellugija biss’.

Skont Pele, Messi ma jistax jitqabbel mal-plejers kbar storiċi ‘bħalu u l-eks-attakkant u ikonu tal-Arġentina, Diego Maradona’, bil-Brażiljan jinsisti li hu, fl-aqwa tiegħu, kien ‘plejer bil-wisq aktar komplut’ u li ‘Maradona ukoll kien ħafna aħjar minn Messi’.

Lionel Messi ilu għaxar snin stabbilit bħala wieħed mill-akbar talenti tal-logħba moderna, bil-maġġoranza tal-analisti jqisuh ‘fost l-aqwa ta’ kull żmien’.

Għalkemm kien hemm drabi fejn iddiżappunta bil-flokk nazzjonali tal-Arġentina, Messi rebaħ il-Ballon d’Or għal ħames darbiet u kiser diversi rekords, minbarra li skorja rata ta’ gowls fenomenali.

Iżda Pele – li rebaħ it-Tazza tad-Dinja tliet darbiet ma’ Brażil u li skorja ‘il fuq minn 1,000 gowl fil-karriera tiegħu – qal lil Folha de Sao Paulo li ‘wieħed ma jistax iqabbel plejer li kien effettiv ħafna bir-ras u b’saqajh it-tnejn ( b’referenza għalih stess) u plejer ( Messi) li juża biss siequ x-xellugija u li ma għandux daqqa ta’ ras tajba’.

Filwaqt li jqis lilu nnifsu bħala aqwa minn Messi ‘fil-lista tal-plejers ta’ kull żmien’, Pele ssuġġerixxa li hemm aktar plejers li jridu jitqiesu superjuri għall-Arġentin fuq dan il-livell.

‘Fil-fehma tiegħi, Maradona kien fost l-aqwa plejers li qatt rat id-dinja u bla dubju kien aqwa minn Messi,’ qal Pele, li għamel ukoll referenza għal Franza Beckenbauer, l-eks-captain ta’ Bayern Munich u l-Ġermanja u l-mibki ġenju Olandiż, Johan Cruyff (eks-Ajax u Barċelona) bħala ‘plejers eċċellenti’.

Intant, jistgħu jitkellmu għalihom il-kisbiet ta’ Lionel Messi li skorja 567 gowl f’653 logħba għal Barċelona – u fejn sab ix-xibka 65 darba f’128 logħba mat-tim nazzjonali Arġentin.
Minbarra r-rebħ ta’ ħames Ballon d’Or, Messi rebaħ ukoll disa’ kampjonati tal-La Liga ma’ Barċelona, flimkien ma’ erba’ Champions League u tliet ‘Club World Cups’ mal-istess tim Katalan.