Lokali

Iktar minn €9,000 għall-Fondazzjoni Richmond mil-Lost, Found and Auctioned tal-MIA

L-irkant ta’ din is-sena tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta,  waqt Lost, Found and Auctioned, ra l-bejgħ ta’ 78 oġġett li ġew irkantati għal somma totali ta’ €9,365.

L-iktar oġġetti li qajmu interess fost in-nies preżenti kienu l-bagalji sorpriża, li huma bagalji ssiġillati mimlijin daqs bajda b’affarijiet tajbin u sbieħ, minn inbejjed u ċikkulatini, sa nuċċalijiet tax-xemx u tiżjin tal-Milied. L-offerti għall-bagalja li ġabret l-iktar flus bdew minn €40, u baqgħu telgħin sakemm din inbiegħet għas-somma inkredibbli ta’ €700.

Il-flus li nġabru f’edizzjonijiet preċedenti ta’ dan l-irkant marru għal għadd ta’ organizzazzjonijiet differenti, fosthom L-Ordni Sovrana ta’ Malta (2017), Inspire (2016), id-Dar tal-Providenza (2015), Hospice Malta (2014), u The Ladybird Foundation (2013).

Il-Fondazzjoni Richmond hija organizzazzjoni mhux governattiva, li tipprovdi servizzi ta’ saħħa mentali li jippromwovu l-benesseri mentali, jinfurmaw lill-membri tal-pubbliku kif jistgħu jmantnu ssaħħa mentali tagħhom, u jipprovdu appoġġ lil persuni li jixtiequ jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Din kienet it-tmien edizzjoni ta’ Lost, Found and Auctioned mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.