Internazzjonali

Il-bastiment ‘Aquarius’ mhux se jkompli bil-ħidma tas-salvataġġ

Il-MV Aquarius

Il-grupp karitatevoli Medecins Sans Frontieres (MSF) qal li kien imġiegħel itemm il-ħidma għas-salvataġġ tal-immigranti fil-Mediterran permezz tal-bastiment ‘Aquarius’. L-MSF sostna li li dan kien dovut ‘għall-attakki ripetuti tal-Istati Ewropej fuq il-ħidma ta’ search and rescue’ anki waqt li l-Ministru Taljan għall-Intern, Matteo Salvini, faħħar l-iżvilupp bħala wieħed ‘li jgħin għal anqas movimenti u mwiet ta’ persuni fuq il-baħar’.

Il-bastiment ‘Aquarius’ ilu ankrat fil-port Franċiż ta’ Marsilja mindu l-Panama rtiratlu r-reġistrazzjoni taħt pressjoni politika intensiva mill-awtoritajiet Taljani. Filwaqt li l-bastiment salva numru sinifikanti ta’ immigranti li kienu qed jaqsmu bil-baħar mil-Libja u bnadi oħra lejn l-Ewropa, l-operaturi tiegħu dejjem kellhom jiffaċċjaw oppożizzjoni qawwija – b’mod partikulari min-naħa tal-Italja.

Salvini akkuża lill-gruppi li jħaddmu bastimenti tas-salvataġġ bħala ‘kollaboraturi mat-traffikanti tan-nies li qed jużaw il-Libja bħala servizz tat-taxi lejn il-portijiet Taljani’.

L-Italja qed tisħaq li l-immigranti li jkunu salvati fil-Mediterran għandhom jittieħdu lura lejn il-Libja mill-gwardjani tal-kosta Libjani, Iżda l-entitajiet karitatevoli u għad-drittijiet umani jgħidu li l-immigranti qed jispiċċaw isofru l-agħar tip ta’ kundizzjonijiet fil-Libja, fosthom abbużi taħt idejn il-gruppi tat-traffikanti tal-bnedmin.

L-‘Aquarius’ kien l-aħħar fost il-bastimenti tal-għajnuna li baqa’ attiv fil-Mediterran u l-MSF, filwaqt li ħabbar id-deċiżjoni biex jikkonkludi l-ħidma tiegħu, sostna li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, b’mod speċifiku l-Italja, naqsu milli jipprovdu biżżejjed servizzi ta’ salvataġġ ‘iddedikati’ minn tagħhom. L-MSF anki akkuża lill-pajjiżi b’li ‘fixklu l-isforzi ta’ ħaddieħor li kien qed jipprova jsalva l-ħajja fil-Mediterran’.

Il-bastiment ‘Aquarius’ kien beda bis-servizzi tal-għajnuna fil-Mediterran fl-2015 u, dan is-sajf, kien iċ-ċentru tal-attenzjoni dinjija meta l-Italja għalqet il-portijiet għall-bastimenti li kienu qed isalvaw lill-immigranti fil-Mediterran. Dan bir-riżultat li l-‘Aquarius’ kien baqa’ iżolat f’zona ta’ baħar, bl-immigranti salvati abbord.

Mijiet fost dawn l-immigranti, eventwalment, kienu tħallew jiżbarkaw (f’Ġunju) fil-port ta’ Valencia, fi Spanja u wara li ma kenux aċċettati mill-Italja u Malta.