Lokali

Il-Pulizija fl-Italja tarresta żagħżugħ li kien ġej lejn Malta bid-droga

Il-Pulizija fl-Italja qed iżżomm taħt arrest lil żagħżugħ li kien se jivvjaġġa lejn Malta fil-pussess ta’ tliet kilogrammi ta’ droga marijuana.

L-arrest sar fl-aħħar sigħat wara li saret tfittxija fuqu mill-Pulizija fil-port ta’ Pozzallo, f’Ragusa. Id-droga nstabet f’bagalja li kien qed iġorr.

Iż-żagħżugħ minn Modica, li kien arrestat mill-Guardia di Finanza, għandu 27 sena u qed jinżamm fil-ħabs ta’ Ragusa biex jaffaċċja akkużi relatati mat-traffikar tad-droga.