Lokali Sport

Imut il-ġurnalist sportiv Henry Calleja

L-Għaqda Ġurnalisti Sports u l-komunita’ tal-isport f’Malta tilfet ħabib u kollega.

Dan hekk kif tħabbret il-mewt tal-ġurnalist sprotiv Henry Calleja, li ħalliena fl-eta’ ta’ 77 sena.

Calleja twieled Għawdex fl-1941. Hu qatta’ snin jaħdem ma’ diversi ġurnali bl-Ingliż u anke mar-Rediffusion u Xandir Nazzjonali. Hu serva ukoll fil-bord tal-Kumitat Olimpiku Malti u tal-ASA.

Fost id-diversi rwoli li kellu, Henry Calleja kien ukoll membru fil-bord ta’ inkjesta li investiga l-famuża telfa ta’ 12-1 li kien sofra t-tim nazzjonali Malti tal-futbol fl-1983.

Il-funeral ta’ Calleja se jsir nhar it-Tlieta li ġej, fid-09:00, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan. Kondoljanzi lil familja lil martu Catherine u lil uliedu.

Il-PN isellem il-memorja ta’ Henry Calleja

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Henry Calleja ġurnalist veteran tal-isport u eks President tal-Għaqda Kittieba Sports.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus u Therese Comodini Cachia jingħad li Henry Calleja ta sehem kbir fil-qasam sportiv, speċjalment fix-xandir kif ukoll bħala kontributur f’diversi ġurnali, b’analiżi f’diversi programmi sportivi kemm tar-radju u fuq it-televiżjoni. Henry Calleja jibqa’ magħruf għall-kummentarji li kien jagħmel fil-futbol u dixxiplini oħra.

Tislima lil Henry Calleja – GħĠS

L-Għaqda Ġurnalisti Sports ukoll sellmet lill-ġurnlist veteran u eks President tagħha Henry Calleja.

Calleja jibqa’ sinonimu mal-ewwel snin ta’ xandiriet tal-Isport permez tar-Rediffusion fis-snin sittin u aktar tard fuq Radju Malta. Hu kellu wkoll sehem fil-ġurnaliżmu stampat b’esperjenza fi ħdan bosta ġurnali lokali fosthom il-Ħajja, The Independent u aktar qabel fil-ġurnal The Bulletin.

Calleja kien kontributur ukoll f’bosta ġurnali u publikazzjonijiet fosthom in-Nazzjon. Kien preżentatur ta’ diversi programmi tal-Isport fuq Xandir Malta u aktar tard bħala PBS.

Henry Calleja kien wieħed mill-membri fundaturi tal-Għaqda Kittieba Sports fl-1970 fejn fost il-karigi li serva kien hemm il-kariga ta’ President bejn l-1987 u l-2003.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports is-sena li għaddiet ħatritu bħala wieħed mill-Presidenti Onorarji tagħha. Calleja kien ukoll fl-amministrazzjoni tal-Isport fejn għal xi snin kien rappreżentant tal-Għaqda Kittieba Sports fuq il-Bord fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport. Hu serva wkoll għal bosta snin bħala Segretarju Ġenerali tal-Club tal-waterpolo ta’ San Ġiljan.

Dieqa mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport fi stqarrija esprimiet għad-dieqa tal-mewt ta’ Henry Calleja, li fakkritu għax-xogħol mill-aqwa lejn l-isport lokali, b’mod speċjali l-isport, matul karriera ta’ għexieren ta’ snin.

“It-telfa ta’ Henry Calleja hi telfa għall-komunità sportiva lokali,” iddikjarat l-MFA.