Internazzjonali

L-arrest tal-Uffiċjal tal-Huawei: Il-Kanada tiċħad għal skop politiku

Il-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, qal li l-Gvern tiegħu ma kellu l-ebda sehem fl-arrest ta’ Meng Wanzhou, li hi waħda l-ogħla eżekuttivi tal-kumpanija Ċiniża Huawei, u li hi wkoll it-tifla tar-raġel li waqqaf dan il-ġgant internazzjonali tat-telekomunikazzjoni.

Meng, li hi l-ogħla uffiċjal responsabbli mill-finanzi tal-kumpanija, spiċċat arrestata jiem ilu, meta hi kienet fl-ajruport ta’ Vancouver. L-azzjoni kienet dovuta għal talba ta’ estradizzjoni mill-Istati Uniti waqt li ċ-Ċina insistiet għall-ħelsien tal-mara fost referenzi għal ‘abbuż tad-drittijiet umani’.

Intant, meta tkellem f’Montreal, Trudeau qal li l-Gvern tiegħu kien infurmat dwar l-arrest ‘minn qabel’ iżda ma kellu l-ebda rwol, filwaqt li insista li ‘il-Kanada hi pajjiż li jibbaża fuq ġudikatura indipendenti’.

L-akkużi fil-konfront ta’ Meng Wanzhou ma ħarġux fil-pubbliku, b’kelliema għall-kumpanija Huawei jgħidu li ‘ma jafu dwar l-ebda imġieba ħażina min-naħa tagħha’.

L-arrest ta’ Meng seħħ fi żmien sensittiv ħafna għar-relazzjonijiet tal-Istati Uniti maċ-Ċina li jinsabu fl-eqqel ta’ gwerra kummerċjali. Intant, hemm kull possibbiltà li t-tensjoni bejn Beijing u Washington tirranka, fost suġġerimenti li l-arrest seta’ kien relatat ma’ investigazzjoni tal-Amerikani dwar abbuż potenzjali tas-sanzjonijiet kontra l-Iran.

Min-naħa tiegħu, il-Konsulent Amerikan dwar is-Sigurtà Nazzjonali, John Bolton, qal li ‘hu mħasseb ħafna’ dwar il-prattiċi kummerċjali tal-kumpaniji Ċiniżi u l-impenn potenzjali tagħhom bħala ‘id-dirgħajn tal-Gvern f’Beijing’.