Lokali

L-istorja għad tkun aktar ġeneruża mal-President Bush

Kitba ta' Tonio Borg fil-gazzetta 'In-Nazzjon'

George Bush Snr kien wieħed mill-ftit Viċi Pesidenti li laħaq President tal-Istati Uniti tal-Amerika.
L-elezzjoni tiegħu fil-ħarifa tal-1988 kont assistejt għaliha għaliex kont mort l-Amerika taħt programm Governattiv Amerikan li bih ġurnalisti u politiċi jiġu mistiedna mid-dinja kollha li jsegwu l-kampanja elettorali. Hu rebaħ b’mod konvinċenti. Il-Presidenza tiegħu nistgħu nimmarkawha b’żewġ avvenimenti importanti: it-tmiem tal-gwerra bierda fl-1989 u l-ewwel gwerra tal-Golf fl-1991.

Bush kien qaddej tal-Istat u meta sar President kien diġà okkupa l-kariga ta’ Viċi President ta’ Ronald Reagan għal tmien snin (1980-88), ambaxxatur fil-Ġnus Magħquda, President tal-Partit Repubblikan, membru tas-Senat Amerikan minn Texas għal diversi snin, u l-ewwel rappreżentant tal-Gvern Amerikan fiċ-Ċina. Kien ukoll Direttur tas-CIA l-Intelligence Amerikana.

Il-Ħajt ta’ Berlin

Kien fi żmienu li waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin f’ Novembru 1989, u ftit ġimgħat wara sar is-summit f’Malta bejnu u Gorbachov. L-istorja ta’ kif il-laqgħa saret Malta hi rakkontata minn Eddie Fenech Adami fl-awtobijografija tiegħu. Kien ġie Malta f’Settembru 1989 għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 anniversarju tal-Indipendenza ħu George Bush; u meta dan mar lura l-Amerika, tant baqa’ impressjonat b’pajjiżna li meta ltaqa’ ma’ ħuh, issuġġerielu li s-summit ma’ Gorbachov isir f’pajjiżna. Eddie Fenech Adami mill-ewwel aċċetta minkejja l-isfida kbira li dan l-avveniment kien joffri bħala loġistika, sigurtà, eċċ.

Kienet il-linja diplomatika ġdida tal-Gvern Nazzjonalista li jerġa’ jressaq lill-pajjiż lejn id-demokraziji tal-Punent li wasslet biex is-summit isir f`pajjiżna. Ta’ dan għandu mertu kbir Eddie Fenech Adami. Jiena kont il-Belt meta f’maltemp u xita wasal Kastilja George Bush li mar iżur lill-Prim Ministru Fenech Adami fl-uffiċċju tiegħu.
Filgħaxija wasal Gorbachov. Għadni niftakar il-folla fil-pjazza ta’ Kastilja tinfaqa’ ċċapċap u tgħajjat Gorby Gorby waqt li l-mexxej Russu beda jieħu b’idejn in-nies li ġġennu warajh; ħaġa possibbli għax is-sigurtà kienet inqas stretta minn dik ta’ Bush. Hekk kif spiċċa kollox, il-folla bdiet tgħajjat lil Eddie li ngħata merħba kbira f’dimostrazzjoni spontanja.

Tmiem il-gwerra bierda f’Malta

Il-kittieba tal-istorja kollha jsostnu li l-laqgħa f’Malta ġabet fi tmiemha l-gwerra bierda,
Meta mbagħad f’Awwissu 1990 l-Iraq invada l-Kuwajt, George Bush għamilha ċara li din il-prepotenza ta’ Saddam Hussein ma kinetx se tiġi tollerata; b’għaqal kbir żamm mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti b’mod li ġiet iffurmata koalizzjoni wiesgħa li fiha ħadu sehem anki pajjiżi Għarab biex jeħilsu lill-Kuwajt.
Ir-rebħa tal-koalizzjoni ġabet fiduċja ġdida fl-Amerika li wara l-gwerra twila u ineffettiva tal-Vjetnam, kienet bidu ġdid għal suċċessi militari Amerikani. L-operazzjoni militari tal-ewwel gwerra tal-Golf kienet inċisiva, illimitat ruħha għat-tneħħija tal-Iraq mill-Kuwajt u xejn iżjed. Għalkemm Bush ġie kkritikat minn xi wħud li ma baqax dieħel fl-Iraq u neħħa lil Saddam, hu għamel sew li mexa strettament mal-ordni tan-Nazzjonijiet Uniti u żamm il-koalizzjoni magħquda.

Il-mexxej tad-dinja ħielsa

Minkejja dan is-suċċess, il-poplu Amerikan fl-elezzjoni li saret fl-1992 warrab lil Bush u għażel lil Clinton. Mhux l-ewwel darba li l-elettorat warrab nies qalbiena u kuraġġużi; l-eżempju tat-telfa elettorali ta’ Churchill f’Lulju 1945 hu każ simili. Iżda l-istorja kienet u għad tkun ġeneruża fil-konfront tal-President Bush, li għalkemm serva perjodu wieħed ta’ erba’ snin, kien il-mexxej tad-dinja ħielsa meta twieled ordni internazzjonali ġdid u d-dinja saret post iktar sigur milli fi żmien il-gwerra bierda.

Dan kien dovut ukoll għall-ħidma ta’ oħrajn fosthom Reagan u anki Papa Woytila; iżda kien Bush li mexxa għall-konklużjoni t-tmiem ta’ tensjoni perikoluża bejn żewġ blokki militari kbar.
Ta’ dan għandna nibqgħu dejjem rikonoxxenti.