Lokali

“Pajjiżna għandu bżonn pjan fit-tul u riformi biex ħadd ma jibqa’ lura fis-suq tax-xogħol” – Josef Vella

“Pajjiżna għandu bżonn pjan serju u fit-tul biex jindirizza n-nuqqasijiet li qed jaffaċċja s-suq tax-xogħol f’pajjiżna.”

Iddikjara dan Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, hekk kif il-Ġimgħa kompla s-seminar organizzat mill-istess union bil-parteċipazzjoni ta’ diversi delegati barranin … seminar li kellu l-għan li jindirizza l-bidliet fis-suq tax-xogħol.

Fid-diskors tiegħu, Vella fakkar kif pajjiżna qed jaffaċċja dgħufijiet fis-suq tax-xogħol, kif jixhed survey li ħareġ minn survey ta’ EY fl-aħħar ġimgħat, liema sfidi mistennija jippersistu fil-futur jekk ma jiġux indirizzati. Innota li fil-preżent, b’mod short term, din l-isfida qed tiġi indirizzata bl-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin. Madankollu din is-sitwazzjoni qed twassal għal problemi soċjali u impatt fuq il-popolazzjoni lokali.

L-istatistika turi li mix-xogħol li nħoloq is-sena li għaddiet, persentaġġ għoli ħafna kien ta’ ħaddiema barranin tant li dawn issa qed iqarrbu l-20% tat-total tal-ħaddiema f’pajjiżna. Fid-dawl ta’ dan staqsa xi pjan hemm biex neliminaw in-nuqqas ta’ ħiliet li s-suq tax-xogħol qed jaffaċċja, għaliex is-sistemà edukattiva f’pajjiżna mhix tlaħħaq mal-bidliet li jitlob is-suq tax-xogħol.

Iddikjara li l-UĦM kienet tippreferi investiment ekonomiku fis-setturi tas-servizzi u t-teknoloġija kif ukoll l-ekonomija ħadra milli fuq il-kostruzzoni. Fid-dawl ta’ dan appella għal rieda politika biex issir ir-riforma tant bżonnjuża fis-settur tal-edukazzjoni biex din issir effettiva u tipprovdi l-ħaddiema li hemm bżonn għas-suq tax-xogħol lokali.

Innota wkoll li pajjiżna, għandu waħda mill-inqas rati ta’ investiment għal kull persuna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ policies dwar is-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea. Fid-dawl ta’ dan, Josef Vella wissa’ li qed nirriskjaw li proporzjon qawwi tal-popolazzjoni Maltija jibqa’ lura fid-dinja tas-suq tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġġla ħafna.