Lokali

Tinstab it-tifla ta’ 12-il sena li kienet rappurtata nieqsa

Tfajla ta’ 12-il sena li kien ilha għal madwar 20 siegħa maħruba mid-dar, instabet qawwija u sħiħa f’Għawdex biex b’hekk ġiet fi tmiemha b’wiċċ il-ġid it-tfittxija għaliha.

Mia O’Connell ħarbet mir-residenza tal-ġenituri tagħha fis-Swieqi ftit wara l-16:15 tal-Ħamis wara nofsinhar. Jirriżulta li hi ħalliet id-dar għal sessjoni ta’ taħriġ tar-rugby u ħadet l-opportunità li taħrab.

Kien hawn li sar rapport lill-Pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan kif ukoll appell imqanqal minn ommha fuq il-midja soċjali.

Kien hawn li diversi persuni rrappurtaw li raw lit-tifla matul dawn is-sigħat. Sewwieqa li kienet għaddejja mill-Marsa qalet li rat lit-tifla għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija, fejn dehret konfuża u mbeżża’ hi u miexja lejn Santa Luċija.

Iktar tard, żewġ persuni ddikjaraw li raw lit-tifla abbord il-vapur ta’ Għawdex tal-10:30 tal-Ġimgħa filgħodu, sejra lejn il-gżira Għawdxija

“Naħseb li rajtha abbord il-vapur tal-10:30 miċ-Ċirkewwa lejn Għawdex. Avviċinatni u staqsietni fejn tista’ tibdel il-poundsbiex tixtri x’tiekol għax kellha l-ġuħ,” kiteb ir-raġel f’messaġġ lil ommha.

Mara oħra kkonfermat dan ir-rapport. “Naqbel. Naħseb li din it-tifla kienet fuq il-bastiment tal-10:30. Dehret mitlufa, fil-parti fejn jinżammu l-karozzi.”

Filfatt Net News hu nfurmat li kien f’Għawdex li l-Pulizija sabu lit-tifla qawwija u sħiħa. Jirriżulta li kien uffiċjal tal-Pulizija li ma kienx fuq xogħol li lemaħ lit-tifla fi Triq l-Imġarr.

Mia ttieħdet lejn l-Għassa tar-Rabat biex ġew ikkuntattjati l-qrabha tagħha, b’ommha Isabel immedjatament wara tirringrazzja lil kulħadd tal-għajnuna biex bintha rritornat id-dar.

Iktar kmieni, f’kummenti lill-midja, missier Mia ddikjara li t-tifla qatt m’aċċettat li l-familja ħalliet Ġibiltà madwar sitt xhur ilu biex ittrasferiet lejn Malta. Dan minkejja li kienet qed teċċella fl-iskola fejn tattendi, is-St Catherine’s ta’ Pembroke.