Futbol Sport

Ħamrun ikomplu l-mument pożittiv tagħhom

(Ritratt: Christine Borg)

ĦAMRUN S………………. 3   PIETÀ H…………………… 2

Ħamrun: M. Bartolo, K. Micallef, O. Nikolopoulos, E. Pepe, M. Gauci, A. Monticelli, T. Caruana, M. Criaco (R. Darmanin 69’), C. Calil, K. Tulimieri, W. Domoraud

Pietà: N. Vella, T. Ose, A. Machedo Neto, C. Grech, N. Pace Cocks (T. Bartolo 81’), D. Agius, I. Jalo, J. Artiaga (C. Degabriele 81’), J. Busuttil, G. Mensah, P. Chimezie (J. Scicluna 83’)

Imwissija: C. Calil 29’, K. Tulimieri 66’, O. Nikolopoulos 67’ (Ħ), A. Machedo Neto 84’ (P)

Tkeċċa: O. Nikolopoulos 90’ (Ħ)

Skorjaw: T. Caruana 33’, K. Tulimieri 34’, W. Domoraud 42’ (Ħ), G. Mensah 37’, A. Machedo Neto 39’ (P)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Roberto Vella, Theodore Zammit

Il-Mument Plejer tal-logħba: Triston Caruana (Ħamrun Spartans)

Ħamrun Spartans komplew il-forma pożittiva tagħhom meta għelbu lil Pietà Hotspurs 3-2 f’logħba li fiha l-ħames gowls ġew skorjati fl-aħħar kwarta tal-ewwel taqsima. B’dan ir-riżultat, Ħamrun għandhom punti daqs Sliema u Balzan fir-raba’ post u jistennew id-dwell interessanti kontra Valletta bit-tama li jkollhom il-perjodu tal-festi aħjar milli forsi stennew.

Manuel Bartolo kien providenzjali fis-27 minuta meta tar minn tulu biex salva tentattiv tajjeb ta’ Paul Chimezie, bir-rebound ta’ Gabriel Mensah tkun blokkata f’korner. Ħamrun fetħu l-iskor fit-33 minuta meta minn kross mix-xellug ta’ Matthew Gauci, daħal tajjeb TRISTON CARUANA li għola bejn Antonio Machedo Neto u Takaki Ose u għeleb lil Nicky Vella b’daqqa ta’ ras. Minuta wara l-Ispartans irduppjaw b’xutt ta’ KEVIN TULIMIERI fil-kaxxa li kien imxellef u qarraq b’Vella.

Pietà daħlu fil-logħba immedjatament u fis-37 minuta daħlu fil-logħba bi kross vertikali fil-kaxxa ta’ Dylon Agius lejn GABRIEL MENSAH li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Manuel Bartolo. Żewġ minuti wara, Pietà ġabu d-draw meta minn free-kick mil-lemin ta’ Neil Pace Cocks, daħal id-difensur ANTONIO MACHEDO NETO li għeleb lil Bartolo mill-viċin.

Iżda t-tim ta’ Giovanni Tedesco reġa’ mar minn fuq fit-42 minuta bi free-kick indirizzat fil-kaxxa ta’ Triston Caruana. Enrico Pepe għola tajjeb u kompla bir-ras lejn WILFRIED DOMORAUD li daħal tajjeb u b’daqqa ta’ ras oħra għeleb lil Vella.

Ir-risposta ta’ Pietà waslet fit-tieni taqsima b’konklużjoni ta’ Mensah fit-53 minuta li ġiegħlet lil Bartolo jdawwar f’korner. Ħamrun marru viċin ir-raba’ gowl fit-58 minuta meta Domoraud antiċipa l-ħarġa ta’ Vella iżda x-xutt tiegħu kien salvat minn sieq il-lasta.

Il-ħin kompla għaddej bit-tamiet ta’ Pietà jkomplu jonqsu. Huma naqsu li jkunu perikolużi biżżejjed għal-lasti ta’ Bartolo, tant li Ħamrun setgħu għalqu l-logħba lejn it-tmiem b’xutt mill-ewwel tas-sostitut Ryan Darmanin li għadda ftit barra. Ħamrun kellhom jispiċċaw il-logħba b’raġel anqas meta d-difensur Orestis Nikolopoulos intwera t-tieni karta safra u b’hekk se jitlef l-aħħar logħba tal-ewwel rawnd.