Futbol Sport

Reazzjoni mill-aqwa tippremja lil Balzan

(Ritratt: Christine Borg)

SLIEMA W…………… 1   BALZAN………………. 3

Sliema: J. Galea, M. Sansone, G. Adamovic, S. Biancardi, N. Ashong, K. Shaw, M. Scerri, C. Pani, M. Muchardi, F. Temile, J. de Assis

Balzan: S. Sultana, I. Bozovic, M. Johnson, E. Serrano Valero, S. Cipriott (A. Majdevac 52’), U. Ljubomirac, J. Grioli, N. Sljivic (D. Camilleri 90’), A. da Paixao Alves (S. Arab 89’), C. de Fiori Mendes,  A. Effiong

Imwissija: N. Sljivic 29’, S. Cipriott 42’, J. Grioli 47’, U. Ljubomirac 49’ (B), M. Muchardi 38’ (S)

Skorjaw: M. Muchardi 47’ (S), A. Effiong 68’, M. Johnson 83’, A. Majdevac 89’ (B)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Luke Portelli, Dusan Petrovic

Il-Mument Plejer tal-logħba: Matias Muchardi (Sliema Wanderers)

Attendenza: 475

Balzan dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Sliema Wanderers 3-1 u kisbu rebħa fondamentali biex reġgħu fetħu beraħ it-tamiet tagħhom li tal-anqas jispiċċaw mal-ewwel erbgħa.

Sliema naqsu li jżommu l-gowl vantaġġ li kellhom fil-bidu tat-tieni taqsima biex intlaħqu mill-istess Balzan kif ukoll minn Ħamrun. Is-Slimiżi kellhom bidu aħjar mill-avversarji u kellhom l-inizjattiva għal kważi l-ewwel taqsima kollha. Il-gowl ta’ Sliema donnu qajjem lil Balzan li wettqu reazzjoni tajba u meritatament ġabu d-draw, biex ħadu r-riedni tal-logħba u spiċċaw biex rebħu l-partita.

L-ewwel azzjoni waslet wara 11-il minuta bi free-kick ta’ Muchardi jkun imdawwar f’korner minn Steve Sultana b’mod brillanti. Sultana reġa’ kien attent biex salva f’darbtejn xutt ta’ Jefferson de Assis.

Balzan heddew il-lasta avversarja għall-ewwel darba fit-38 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Alex da Paixao Alves li kien salvat minn Jake Galea. Tliet minuti wara Balzan fallew opportunità tad-deheb bi kross ta’ da Paixao Alves lejn Uros Ljubomirac li iżda kkontrolla ħażin u x-xutt tiegħu għadda ferm għoli. Qabel tmiem l-ewwel taqsima Balzan reġgħu marru viċin, din id-darba b’xutt ta’ Sean Cipriott li stampa l-mimduda b’Galea megħlub.

Sliema kellhom bidu mill-aqwa għat-tieni taqsima hekk kif fetħu l-iskor fis-47 minuta bi free-kick fil-baxx mix-xellug ta’ MATIAS MUCHARDI li qarraq b’Steve Sultana bil-ballun jgħaddi fuq l-ewwel lasta. L-assistent referee Dusan Petrovic għolla l-bandiera iżda wara konsultazzjoni mar-referee Philip Farrugia l-gowl ġie kkonvalidat.

Balzan ġabu d-draw fis-68 minuta meta minn korner ta’ de Fiori Mendes, id-difiża ta’ Sliema naqset li tbiegħed il-periklu, b’daqqa ta’ ras ta’ Goran Adamovic tmur lura fid-direzzjoni ta’ Ljubomirac li minkejja li kellu l-ballun imxellef, spiċċa fid-direzzjoni ta’ Alfred Effiong li skorja b’xutt mill-ewwel mill-kaxxa ż-żgħira.

It-tim ta’ Micovic mar minn fuq fit-83 minuta. Kien korner mil-lemin, għola Andrija Majdevac, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet blokkata minn Kurt Shaw, madankollu l-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ MICHAEL JOHNSON li mill-qrib skorja b’daqqa ta’ ras.

ANDRIJA MAJDEVAC għalaq il-logħba fid-89 minuta b’xutt djagonali fil-baxx li għeleb lil Jake Galea, anki jekk Michele Sansone prova jbiegħed il-ballun milli jidħol fil-kaxxa.