Internazzjonali

Aktar laqgħat dwar il-Brexit bejn il-Mexxejja tal-Ewropa u Theresa May

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qed ikollha sensiela ta’ laqgħat ma’ Mexxejja tal-Ewropa kif ukoll ma’ Uffiċjali tal-UE, bil-ħsieb li jsalvaw u ‘iżommu effettiv’ il-ftehim tagħha dwar il-ħruġ ta’ pajjiżha mill-Unjoni.

L-għada li posponiet il-vot kruċjali dwar il-Brexit fil-Parlament ta’ Londra, May kellha taħditiet, f’The Hague, mal-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte u mal-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, f’Berlin.

Il-programm jinkludi taħditiet fi Brussell mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker li, qabel, wassal messaġġ ċar minn Strasbourg li l-UE mhix se ‘tinnegozja mill-ġdid’ il-ftehim għall-Brexit, għalkemm hemm iż-żmien għal ‘aktar kjarifiki’.

Laqgħa oħra ppjanata għal May kienet mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk.

Sadanittant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit qalet li hi teħtieġ ‘aktar assikurazzjonijiet’ dwar il-pjan għall-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq biex tkun tista’ tittama fl-appoġġ tad-deputati fil-House of Commons.

Mifhum li Theresa May qed titlob il-garanziji legali li r-Renju Unit ‘ma jinqabadx, indefinittivament, fi pjan għall-Irlanda ta’ Fuq fuq il-bażi ta’ backstop’. F’dan il-każ, il-‘backstop’, li hu l-aħħar għażla għall-partijiet interessati, hu intiż biex iżomm il-fruntiera Irlandiża miftuħa f’sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit toħroġ mill-UE mingħajr ftehim ‘li jaħseb għal kull aspett’.

Il-‘backstop’ jinvolvi arranġament doganali temporanju bil-għan li jevita ħtieġa ta’ checkpoints mal-fruntiera Irlandiża f’nuqqas ta’ ftehim għal soluzzjoni fit-tul li jevitahom.

Il-kritiċi joġġezzjonaw għal din is-sitwazzjoni li għalihom timponi regoli differenti għall-Irlanda ta’ Fuq minn dawk effettivi għall-bqija tar-Renju Unit. Huma qed joġġezzjonaw għall-fatt li, taħt it-termini tal-ftehim għall-Brexit, ir-Renju Unit ma jistax joħroġ mill-‘backstop’ mingħajr qbil min-naħa tal-UE.

Għaldaqstant, May qed tipprova tagħti vot lill-Parlament Britanniku dwar jekk għandux jidħol għall-‘backstop’ u vot annwali dwar jekk ir-Renju Unit għandux iżomm dan l-impenn. Fl-istess ħin, il-kelliema fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Londra qalu li May ‘hi assolutament determinata li tikseb ftehim li l-Parlament Britanniku jista’ jivvota għalih’.