Lokali

Il-Maratona tad-Dar tal-Providenza

Id-Dar tal-Providenza għaddejja b’ħidma biex matul is-sena d-dieħla tiftaħ dar ġdida fil-komunità għal persuni b’diżabbiltà fil-Balluta.

Dan apparti li mistenni jibda x-xogħol ta’ twaqqiegħ u bini mill-ġdid ta’ residenza oħra li ngħatat b’wirt lid-Dar tal-Providenza f’Ħaż-Żabbar.

Ħabbar dan id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, hekk kif it-Tlieta ngħataw id-dettalji tal-maratona annwali li ssir fl-ewwel tas-sena. Maratona li se tkun imprezzabbli mhux biss biex jinġabru l-fondi li jsostnu l-ħidma tad-Dar imma wkoll twassal biex jiżdiedu s-servizzi offruti.

Ix-xogħol fir-residenzi ġodda fil-komunità ikompli ma’ dak li diġa sar fl-aħħar sena,b’investiment uman biex titmexxa l-Pixxina Terapewtika l-ġdida, installazzjoni ta’ lift ġdid fid-dar il-ġdida fil-Balluta u tnejn oħra f’Villa Papa Giovanni, music room ġdida, in service training u group supervision għall-ħaddiema kif ukoll proġetti ta’ manutenzjoni, xiri ta’ airconditions kif ukoll apparat ieħor.

Iżda x-xogħol mhux se jieqaf hawn. Apparti li x-xogħol li għaddej irid jitkompla, u s-servizzi offruti mistennija jiżdiedu, id-Dar tal-Providenza se tkompli b’xogħol ta’ refurbishment ta’ lift ġdid f’Dar Żerniq, żieda fil-professjonisti u aktar taħriġ għall-ħaddiema, kif ukoll investiment f’infrastruttura ġdida għall-IT.

Il-maratona Festa ta’ Ġenerożità ssir nhar l-Ewwel tas-Sena u tiftaħ b’quddiesa mmexxija minn Monsinjur Charles Scicluna fid-disgħa ta’ filgħodu.

Matul il-jum, Net Television jingħaqad mal-istazzjonijiet ewlenin ta’ pajjiżna f’xandiriet diretti, inkluż l-ispettaklu ta’ varjetà fuq il-palk prinċipali li jibqa’ għaddej sa nofsillejl.