Neville Gafà tkeċċa mill-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, l-FMS, wara l-vjaġġ kontroversjali tiegħu fil-Libja.
Dan wara li saru akkużi li matul dan il-vjaġġ, li fil-Libja ġie deskritt bħala wieħed uffiċjali b’Gafà li rreferew għalih bħala mibgħut tal-Gvern, hi ltaqa’ ma’ persuni li suppost jixhdu kontrih fil-każ dwar l-iskandlu tal-Visas mediċi Maltin.
Din kienet it-tieni darba li l-Ministru Chris Fearne sfida lil Kastilja u neħħa lil Gafà mill-pożizzjoni tiegħu, fejn kien intagħżel fuq bażi ta’ position of trust. Fearne kien neħħa lil Gafà wkoll mill-Ministeru tas-Saħħa, immedjatament wara li laħaq Ministru.
Wara li kienet żvelata din iż-żjara lejn il-Libja, fl-aħħar jiem, il-mexxej ta’ Alleanza Bidla, Ivan Grech Mintoff għamel akkużi serji li Gafà xtara lix-xhieda fil-każ kontrih. Każ li skont rapporti internazzjonali jinvolvi l-ħruġ ta’ ‘l fuq minn 80,000 Visa lil-Libjani sabiex jaċċessaw iż-żona Schengen, u li fosthom potenzjalment kien hemm kriminali u terroristi.
Biex mar il-Libja, Gafà kellu bżonn Visa, li nħarġitlu għaliex iddikjara li kien se jżur lill-Ambaxxata Maltija fil-pajjiż … liema ambaxxata tinsab temporanjament magħluqa.
Fid-dawl ta’ dan, u wara diversi jiem ta’ pressjoni interna u fil-midja, il-Ministeru tal-Intern kien ħabbar li fetaħ investigazzjoni li għadha għaddejja.
Gafà hu magħruf bħala wieħed qrib Kastilja, tant li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien għażlu wkoll bħala membru tal-istaff tal-Uffiċċju tiegħu f’Kastilja. Pożizzjoni li għadu jokkupa minkejja li għaddejja investigazzjoni fil-konfront tiegħu.
//= $special ?>