Sport Waterpolo

San Ġiljan ASC iġeddu l-kuntratt ta’ Jake Tanti u jakkwistaw b’self lil Kai Dowling

Il-klabb tal-Waterpolo San Ġiljan ASC għamel żewġ movimenti bl-għan li l-Ġiljaniżi jerġgħu jkunu minn ta’ quddiem fl-istaġun li ġej. San Ġiljan ġeddew il-kuntratt tal-gowlkiper Jake Tanti filwaqt li akkwistaw b’self lil Kai Dowling. Jake Tanti ġedded il-kuntratt sal-2024. Hu kien ingħaqad ma’ San Ġiljan fl-2017 mingħand Neptunes u kien strumentali fil-mixja ta’ San Ġiljan biex iddominaw ix-xena lokali riċentament.

Tanti kien xejjen kull dubju dwar il-kwalitajiet tiegħu u wassal biex kien regolari fir-rebħ tal-Kampjonat tax-xitwa, it-Tazza tal-President, il-Kampjonat tas-sajf u n-knock-out li San Ġiljan rebħu fl-2017. Il-gowlkiper ta’ 20 sena kien regolari wkoll fir-rebħ tal-unuri ta’ San Ġiljan din is-sena. Dawn kienu l-ewwel edizzjoni tal-Enemed Cup, il-Kampjonat tax-xitwa, it-Tazza tal-President u n-knock-out. Jake Tanti kien importanti fis-serje ta’ 54 logħba li San Ġiljan għamlu mingħajr telfa bejn l-2017 u l-2018.

Għal Kai Dowling, dan se jkun ritorn mal-klabb Ġiljaniż li akkwistah b’self iżda b’għażla li jista’ jixtri lill-plejer. Iż-żagħżugħ diġà ngħaqad u beda jitħarreġ mat-tim ta’ Marko Orlovic. Hu kien għamel id-debutt mat-tim tal-kbar f’età tenera u beda jidħol ftit ftit fit-tim Ġiljaniż. Bejn l-2011 u l-2014 Dowling skorja 18-il gowl fil-kampjonat tas-sajf u gowl fin-knock-out tal-2011.

Fl-2015 hu ngħaqad ma’ Sliema fejn kien iffirma kuntratt ta’ sitt snin. Fl-erba’ staġuni li lagħab mas-Slimiżi, Dowling rebaħ biss it-Tazza tal-President fl-2015, b’San Ġiljan jiddominaw l-aħħar snin. Dowling naqas li jkun regolarissimu ma’ Sliema iżda f’dan l-istaġun kien utilizzat aktar mill-kowċ Sergio Afric. Fl-erba’ snin, Kai Dowling skorja 15-il gowl fil-kampjonat, gowl fit-Tazza tal-President u gowl f’logħba tan-knock-out.