Lokali

SPARATURA FI FRANZA: Ġurnalisti u MEPs Maltin siguri fi Strasburgu

Dik li kellha tkun lejla bħall-oħrajn wara ġurnata impenjattiva għall-MEPs u ġurnalisti Maltin fil-Parlament Ewropew ta’ Strasburgu nbidlet ma’ ħoss li ħasad lill-bosta. Dan hekk kif żewġ persuni tilfu ħajjithom u ħdax oħra ndarbu gravement fi sparatura li seħħet fil-qalbha tal-Belt Franċiża – f’nofs Fiera tal-Milied.

Permezz tal-midja soċjali, l-kollega Noel Zammit li preżentament jinsab ġewwa Strasburgu fuq xogħol saħaq li d-delegazzjoni Maltija li tinsab preżenti, inkluż il-ġurnalisti Maltin jinsabu siguri.

Dan ikkonfermah ukoll permezz ta’ twitter EPP_MT.

Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa kien minn tal-ewwel li permezz tal-midja soċjali spjega li qrib il-post fejn kien dak il-ħin kienet seħħet sparatura. Dan kollu filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku li kien jinsab fiz-zona sabiex jibqa’ ġewwa – dejjem jekk kien sigur li wieħed jagħmel dan.

Dan filwaqt li l-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola saħqet li fil-ħin tal-isparatura, hija kienet waħda minn dawk li nqabdet ġewwa l-Parlament Ewropew. Hija saħqet li filwaqt li flimkien mat-tim tagħha kienet qed tikkuntattja lil dawk kollha li jafu kienu fiz-zona, hija wkoll serħet ras iċ-ċittadini li d-delegazzjoni Maltija kienet sigura.

Il-preżentatur ta’ Net TV Frank Psaila kien ftit metri bogħod minn fejn seħħet l-isparatura. Hu, flimkien mal-grupp li qiegħdin miegħu, kollha jinsabu siguri.