Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Zammit Dimech isejjaħ għall-implimentazzjoni bla xkiel u fil-ħin tal-liġijiet Ewropej hekk kif il-PE approva żewġ rapporti li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol

“Nappella lill-istati membri biex jassiguraw li l-bidliet fid-direttiva tal-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma’ sustanzi li jikkawżaw il-kanċer fuq il-post tax-xogħol, jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun, u biex jieħdu l-miżuri neċessarji li jassistu lil min iħaddem b’informazzjoni adegwata u appoġġ li jassigura l-implimentazzjoni bla xkiel.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu wara vot fuq rapport li jemenda d-direttiva li tipproteġi lill-ħaddiema minn sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer. Zammit Dimech kien ir-Rapporteur tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali.

“F’Malta, għandna 2,000 każ ġdid ta’ kanċer u 900 mewt kull sena. Hu għalhekk li jien poġġejt il-ġlieda kontra l-kanċer bħala prijorità tiegħi bħala MEP. Irridu niġġieldu l-kanċer b’kull mod possibbli, inkluż fuq il-post tax-xogħol bħal dawk li jaħdmu fil-kostruzzjoni, l-laboratorji, l-elettronika u l-immaniġġjar tal-iskart. Hu għalhekk ukoll li rridu nassiguraw li l-post tax-xogħol, fejn iċ-ċittadini tal-UE jqattgħu ħafna ħin, ikun ambjent li jiproteġihom mill-kanċer,” qal Zammit Dimech.

L-UE diġà għamlet limitu fuq l-użu ta’ 21 sustanza li jikkawżaw il-kanċer, u bil-vot tal-lum, l-UE se tkun qed iżżid fuq il-lista 5 sustanzi oħra. Zammit Dimech irrimarka “Dan hu eżempju ieħor ta’ kif l-UE tista’ tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Jien sodisfatt li tajt il-kontribut tiegħi f’dan il-proċess.” Hu rringrazzja lil diversi impjegati, NGOs fil-qasam tal-kanċer u professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jassistu lill-impjegati li jkollhom il-kanċer, kif ukoll il-familji tagħhom.

Kruċjali għall-impjegati u n-negozji li nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema bejn pajjiż u ieħor

Il-Parlament Ewropew approva t-tieni rapport li jsejjaħ għat-twaqqif tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Zammit Dimech, li kien ir-Rapporteur tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali qal, “Irrispettivament mid-diversi regoli dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-moviment ħieles, l-infurzar effettiv u effiċjenti għadu problema madwar l-UE minħabba nuqqas ta’ koperazzjoni. Aktar u aktar nies qed jaħdmu minn pajjiż għall-ieħor, u għalhekk l-infurzar tal-liġijiet hu bżonnjuż. Hu għalhekk li għandna bżonn Awtorità Ewropea tax-Xogħol.”

Il-kompetenza ewlenija tal-awtorità se tkun li nassiguraw l-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni f’temi bħall-mobbiltà tax-xogħol u l-koordinament tas-sigurtà soċjali. Bħala Rapporteur tal-Grupp tal-PPE, Zammit Dimech ħadem fuq il-liġi li tistabbilixxi u tirregola din l-awtorità. Hu ressaq numru ta’ emendi wara li ltaqa mal-istakeholders, inkluż unions u rappreżentanti tan-negozji f’Malta. Il-proposti jinkludu l-bżonn tal-protezzjoni tad-data meta tinġabar u tinqasam informazzjoni, l-importanza li nippromowvu l-opportunitajiet tax-xogħol fi ħdan l-unjoni għall-persuni b’diżabilità, u koperazzjoni aħjar bejn l-istati membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-infurzar. Hu sejjaħ ukoll għal aktar trasparenza u biex l-awtorità tkun kontabbli.

Skont iċ-ċittadini tal-UE, il-libertà li jivvjaġġaw, jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jagħmlu n-negozju fl-UE hu l-aktar vantaġġ tal-UE. Zammit Dimech żied jgħid “Irridu nassiguraw li l-moviment ħieles jkun ifisser ukoll d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu garantiti u protetti fl-UE. Dan mhux biss fl-interess tal-ħaddiema, imma anke fl-interess tal-kumpaniji, partikularment SMEs li jassiguraw kompetizzjoni ġusta.” Hu żied jgħid li din ma kenitx biss opportunità li tagħti serħan il-moħħ lill-ħaddiema li jivvjaġġaw minn stat membru għall-ieħor biex jaħdmu, imma anke opportunità li tgħin lin-negozji jindirizzaw il-problema tad-diskrepanza fil-ħiliet, problema li ġiet identifikata minn-negozji f’Malta.